Il-Prim Ministru Robert Abela għadda messaġġ b’saħħtu favur ir-residenti li jgħixu fuq artijiet amministrati mill-Fondazzjoni Abbazia di Sant Antonio delli Navarra.
Mistoqsi mill-midja fil-kuntest ta’ deċiżjoni li familja ġiet ordnata tiżgombra minn proprjetà fil-Qala, liema tali deċiżjoni tista’ taffettwa oħrajn, il-Prim Ministru nnota li hemm opportunità għal appell minn din id-deċiżjoni mill-parti konvenuta. Hu appella biex dan l-appell isir.
Madankollu Dr Abela kien ċar u sejjaħ l-att li n-nies wara l-Abbazia fetħu proċeduri għas-skapitù taż-żgħir u persuni innoċenti bħala ħniżrija. “Bħala Gvern se nkunu iebsin u se nagħmlu dak kollu possibbli biex dawn il-ħniżrijiet jieqfu”, sostna l-Prim Ministru.
Filwaqt li l-Prim Ministru ma poġġiex lil kulħadd f’keffa waħda hekk kif sostna li l-komunità kummerċjali f’pajjiżna hi waħda importanti b’irwol li tmexxi ’l pajjiż il-quddiem, il-Prim Ministru saħaq li dak li qed isir fil-każ mhuwiex aċċettabbli.
Qal li l-ġustizzja għandha ssir bil-ħaqq u mhux tipproteġi lill-kapitalist li jsawwat liż-żgħir filwaqt li semma kif il-Gvern għadda liġi biex tilqa’ sitwazzjoni simili fin-Nadur.
Fuq il-Fondazzjoni inkwistjoni l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna kien jaħtar rettur iżda ftit tas-snin ilu rrinunzja l-kontroll fuq il-Fondazzjoni għas-somma ta’ mitejn elf ewro.
Issa l-amministraturi tal-Fondazzjoni saru l-Avukat Patrick Valentino u Dei Conti Holdings Limited, kumpanija privata li tħares l-interessi tal-familja Stagno Navarra, meqjusa bħala l-eredi ta’ Cosmana Cumbo Stagno Navarra, il-mara nobbli li kellha l-artijiet inkwistjoni fil-Qala u n-Nadur.
Issa li l-Arċidjoċesi ma għadx għandha kontroll ta’ din il-medda ta’ art, persuni li jgħixu fuq din l-art u bdiewa fost oħrajn jinsabu f’riskju li jitilfu l-art li ilhom jgħixu fuqha jew jaħdmuha, kif fil-fatt ġralha familja fil-Qala.
Għad-deċiżjoni tar-rinunzja mid-Djoċesi kienu saru protesti b’messaġġi diretti lejn l-Arċisqof fejn qalulu li r-ragħaj tefa’ n-nies f’ħalq l-ilpup.