Fil-messaġġ tiegħu għal bidu ta’ sena ġdida, il-Prim Ministru Robert Abela ta importanza kbira lill-ambjent.
F’indirizz lill-poplu Malti u Għawdxi, il-Prim Ministru saħaq li fl-aħħar ġimgħat rajna madwarna l-effetti tat-tibdil fil-klima.
Dr Abela għamel referenza għas-sehem ta’ Malta fil-konferenza COP26 biex id-dinja b’mod kollettiv tindirizza l-fenomenu tat-tibdil fil-klima.
Hawnhekk il-Prim Ministru saħaq li qed iħares ’il quddiem lejn l-akbar inċentivi ambjentali li qatt tnedew f’pajjiżna, fosthom inċentivi għax-xiri ta’ vetturi elettriċi jew hybrid plug-in li jlaħħqu sa tnax-il elf ewro għal kull xerrej.
Inċentivi li daħlu sa mill-għada li tħabbar il-Budget għall-2022.
Qal, “Inħares ’il quddiem li nibdew naraw il-frott tal-ikbar inċentivi ambjentali li qatt tnedew. Dan, kemm biex nieħdu ħsieb il-kwalità tal-arja tagħna, kif ukoll biex nieħdu ħsieb aħjar il-qalba tal-irħula tagħna.”
F’diskors b’saħħtu favur l-ambjent, il-Prim Ministru kien ċar u qal li din is-sena l-ġdida se tkun waħda li fiha tingħata attenzjoni partikolari għaż-żieda ta’ spazji miftuħa u ppjanar intelliġenti.
Qal, “Għalhekk l-elfejn tnejn u għoxrin trid tkun is-sena li matulha nsaħħu iktar ħidmietna biex intejbu l-ambjent li ngħixu fih. Arja iktar nadifa u l-bżonn li nagħtu prijorità biex ikollna iktar spazji miftuħa u ppjanar iktar intelliġenti. Mhux nieħdu l-iktar triq faċli, għax hemm fejn neħtieġu wkoll bidla radikali fil-mentalità. Iżda, jekk tassew irridu nħallu lil uliedna pajjiż aħjar irridu nifhmu li lkoll irridu nieħdu d-deċiżjonijiet minn issa.”
Il-Prim Ministru mbagħad semma kif il-Gvern li jmexxi hu ra li jkollna qafas legali biex pajjiżna jitmexxa bl-ogħla standards u għalhekk ħa anki deċiżjonijiet iebsin fl-interess tal-pajjiż.
Saħaq li fenomenu li rrid niġġieldu hija l-mibegħda f’kull forma tagħha.
F’dan il-kuntest qal li din is-sena l-poplu se jiġi mitlub jagħmel għażla min imexxih għall-ħames snin li ġejjin, u din l-għażla għandha ssir fi spirtu ta’ rispett fejn jiġu diskussa l-ideat.
Qal, “Din l-għażla trid issir f’dan l-ispirtu ta’ rispett fejn niddibattu l-ideat u l-ħsibijiet differenti u mhux nattakkaw il-persuni. Anzi, bid-diskors tagħna rridu li ngħaqqdu l-pajjiż, mhux nifirduh. Bit-tgħajjir jitlef kulħadd. Bl-ideat nibnu pajjiż isbaħ u aħjar.”
Il-Prim Ministru semma wkoll il-valuri sbieħ li tant hu mogħni bihom il-poplu Malti u Għawdxi u li jurihom bil-qawwi f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Huwa temm il-messaġġ biex f’isem il-familja tiegħu, jawgura sena mill-aqwa lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Tenna kif, “Fuq kollox, il-kwalitajiet il-kbar tal-poplu Għawdxi u Malti huma dawk li tant naraw ħajjin f’dawn iż-żminijiet; is-solidarjetà, l-imħabba u l-kburija b’dak kollu li jagħmilna Maltin u Ewropej. Ejja flimkien inżommu dawn il-valuri ħajjin is-sena kollha. F’isem il-Gvern, f’isem Lydia u Giorgia Mae u f’ismi, nixtieq nawgura lill-Għawdxin u lil Maltin kollha sena mill-aqwa.”