Tlieta u għoxrin jum biss ‘il bogħod mill-elezzonijiet tal-25 ta’ Mejju, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat żar il-lokalità tas-Siġġiewi.
Hemmek iltaqa’ ma’ ħafna mir-residenti u tkellem magħhom dwar l-importanza li kulħadd jagħmel dmiru u joħroġ jivvota biex dan il-moviment jkun jista’ jibqa’ jaħdem favur il-poplu.
Qal li għalkemm ħames snin ilu, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bl-istess persentaġġ ta’ voti li rebaħ l-aħħar elezzjoni ġenerali, xorta tella’ tliet siġġijiet. Qal li sabiex dan il-moviment jagħmel pass ’il quddiem hemm il-bżonn li joħroġ jivvota kulħadd.
Intant għal-lokalita tas-Siġġiewi, il-Prim Ministru ħabbar li ġie identifikat sit fiż-żona ta’ Kirċippu biex jinbidel f’żona ta’ rikrejazzjoni.
Semma li qed tiġi studjata l-possibilità li jsir parkeġġ f’nofs il-bypass sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ parkeġġ f’dawk l-inħawi.
Il-Prim Ministru temm ifaħħar il-kandidati Siġġiwin f’isem il-Partit Laburista li ħarġu għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u qal li dawn jiffurmaw tim b’saħħtu u kapaċi li jista’ jirrappreżenta lir-residenti b’mod denju.