Qed noffru triq mimlija tama u aspirazzjoni. Triq ta’ fiduċja f’dan il-pajjiż sabiħ.
Kien dan l-element ta’ ottimiżmu favur futur mill-isbaħ li ġabar kollox fid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt id-diskors tiegħu f’rally Team Malta ġewwa l-MFCC f’Ta’ Qali.
L-aħħar rally ta’ din il-kampanja elettorali għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela spjega li dan il-Gvern mhux qed iwiegħed futur mingħajr sfidi madankollu qed iwiegħed li jkun sod quddiem l-isfidi li jsib u jaqlibhom f’opportunitajiet.
“Għax meta tkun kburi b’xi ħadd… meta tkun kburi b’xi ħaġa … tkun tista’ taħdem għaliha b’saħħa. Hekk ħdimt u hekk naħdem bħala Mexxej Malti kburi kull meta nkun barra pajjiżna nirrappreżentah. Għax biex titkellem f’isem pajjiżek trid tmur hemm barra b’wiċċek minn quddiem. Għiduli intom illejla – jekk min jistħi jgħid li pajjiżu hu Malta, jistax imexxih?”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela tenna li dan kien Partit Laburista li sema’ lil dawk kollha li qed isibu d-diffikultajiet biex b’hekk ppropona manifest li jagħti s-soluzzjonijiet għall-isfidi.
Saħaq li jrid jilħaq iżjed l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema u l-familji.
“Il-familja tibqa’ s-sinsla ta’ dan il-pajjiż. U kull familja rridu nappogġjawha. U għax nappogġjawha – nnaqqsula t-taxxi u nżidulha d-dħul. Meta faqqgħet il-kriżi mhux biss ħadnilkom ħsieb il-paga, imma żidna fuqha b’inċentivi u issa rridu ngħafsu għal kundizzjonijiet aħjar.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru saħaq li l-futur għall-ambjent Malti wkoll se jkun isbaħ.
“Fejn illum hemm konkrit, irridu spazji miftuħa. Fejn illum hemm id-duħħan tal-exhaust, irridu spazji ġodda bis-siġar u fejn tiddevertu. Għalhekk seba mitt miljun ewro fuq seba’ snin. U allura s-Sibt li ġej tisimgħux minn dawk li jridu jġiegħluk temmen li xejn ma jista’ jinbidel. Iva, dan il-pajjiż jista jkompli jinbidel għall-aħjar.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tkellem fuq l-importanza tad-deċiżjoni tal-poplu nhar is-Sibt li ġej.
“Irrifletti, aħseb ftit, u tintebaħ kemm din hi deċiżjoni importanti u differenti. Staqsi ftit lilek innifsek: qatt kont taħseb li lejliet elezzjoni se tisimgħu l-partit tal-oppożizzjoni jibgħatilkom messaġġ biex ma tivvutawx? Li jgħidilkom, għamlu li tridu basta ma tappoġġjawx lill-Partit Laburista? Jagħmlu hekk għax jafu huma stess li m’humiex alternattiva. Għax m’għandhomx viżjoni kredibbli. Għax m’għandhomx pjan għall-futur.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fuq kollox il-Prim Ministru Robert Abela għamel domandi li l-poplu jrid iwieġeb bil-vot tiegħu, nhar is-Sibt li ġej.
“Il-mistoqsija issa hi kif se naslu għalihom. Lil min tafdaw? Lil min tafdaw imexxi l-ekonomija? Lil min tafdaw li jkompli jnaqqas it-taxxi? Lil min tafdaw bis-sigurtà ta’ pajjiżna? Lil min tafdaw biex ngħollu l-istandards fl-edukazzjoni u s-saħħa? Lil min tafdaw biex inżidu d-drittijiet għal kulħadd? Wieġbu dawn id-domandi bil-vot tagħkom!”
il-Prim Ministru Robert Abela
Kien hawn li l-Prim Ministru Robert Abela temm b’appell favur fiduċja lil Team Malta biex imexxi lill-pajjiż ’il quddiem.
“Ejja nuru li Team Malta lest mill-ġdid biex imexxi l-pajjiż ‘il quddiem. Ejja kull ħolma tagħkom nagħmluha realtà flimkien! Flimkien mal-istudenti. Flimkien mal-familji. Flimkien mal-anzjani. Flimkien man-negozji. Flimkien mal-ħaddiema. Malta Flimkien. Il-futur sabiħ. Il-futur f’idejk.”
il-Prim Ministru Robert Abela