“L-għażla s-Sibt li ġej se tkun dwar x’futur se tagħtu lil uliedkom.”
Kliem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’diskors pożittiv li wassal quddiem folla sabiħa nies li nġabru fl-MFCC Ta’ Qali għall-aħħar Rally Team Malta f’jum ta’ Ħadd fil-kampanja elettorali.
F’messaġġ b’saħħtu, il-Prim Ministru ta kelma ta’ serħan il-moħħ lill-familji kollha Maltin u Għawdxin, li jekk jingħata fiduċja, Gvern Laburista ġdid se jkompli jinvesti fihom.
Saħaq fuq l-importanza tad-deċiżjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej.
“U allura, quddiem dan kollu, tifhmu li dik ta’ nhar is-Sibt hi għażla dwarkom ukoll. U għalhekk hija għażla li ma jkunx għaqli li taħslu jdejkom minnha. Hija wkoll għażla dwar x’futur se tagħtu lil uliedkom. Lydia u jien irridu għat-tfal Maltin u Għawdxin kollha dak li rridu għal Giorgia, u se naħdmu kemm nifilħu għalihom. Din il-kampanja elettorali dħalna għaliha bħala missjoni. Mhux f’isem il-Partit Laburista, iżda f’isem il-familji bieżla Maltin. Intom il-familji li jkun hemm min ikun hemm fil-Gvern, tagħtu s-sehem tagħkom ta’ kuljum, b’mod ġust.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal kif il-Partit Laburista għandu verament il-pjan sabiex f’pajjiżna, kulħadd, miż-żgħir sal-kbir, ikollu l-istess opportunitajiet.
Fil-fatt, Robert Abela hawnhekk qal kif kulħadd se jgawdi mill-proposti li l-Partit Laburista ppreżenta fil-Manifest Elettorali tiegħu, u dan għax il-Maltin u l-Għawdxin kollha jixraqilhom li jkunu ppremjati.
“Huwa b’dan il-mod li fassalna proposti li se tgawdu minnhom. Għax jixirqilkom tkunu ppremjati ta’ dak li tagħmlu. Imma fuq kollox jixirqilkom ir-rispett ta’ min tafdaw bit-tmexxija. Aħna rridu nkunu hawn għalikom, u mhux intom għalina.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Bl-għajta ta’ Malta flimkien, il-Prim Ministru semma bosta proposti mħabbra mill-Partit Laburista, fosthom dik tat-tnaqqis fit-taxxi li se tħalli aktar flus fil-bwiet tal-ħaddiema f’pajjiżna.
L-ambjent ukoll ingħata prijorità assoluta mill-Partit Laburista, u dan b’investiment propost ta’ seba’ mitt miljun ewro sabiex f’pajjiżna jiżdiedu l-ispazji miftuħa u ħodor.
Ftit jiem qabel il-poplu jagħżel, Robert Abela, f’diskors ta’ viżjoni appella lil kulħadd sabiex jagħżel l-elf proposta tal-Partit Laburista li kollha għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
“Mhux biss li kull elezzjoni tibda xejn b’xejn – imma tafdawx il-futur tagħkom f’idejn xi survey. Jekk temmnu, għax tafu, li l-Oppożizzjoni tal-lum ma tistax tmexxi l-pajjiż – tibqgħux id-dar. Tħallux il-futur tagħkom f’idejhom. Agħżlu l-elf proposta li rridu nibdlu f’elf kisba ġdida. Elf proposta bla kundizzjonijiet ħlief waħda, li trid tivvota għalihom.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fi tmiem ta’ diskors b’saħħtu u ta’ serħan il-moħħ li jagħti stabilità, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista għalaq indirizz fost l-ewforija sabiħa tan-nies.
“Il-vot jibqa’ l-aqwa arma li għandu ċ-ċittadin biex jagħżel il-futur ta’ pajjiżu. U b’dak il-vot irridu nagħżlu ċ-ċertezza u l-istabbiltà. Mela ejja nagħżlu l-futur. Ejja nagħżlu edukazzjoni aqwa. Ejja nagħżlu aktar spazji ħodor u ambjent aħjar. Ejja nagħżlu ħolqien ta’ ġid li jinfirex fost kulħadd. Flimkien naslu, flimkien mal-pensjonanti, flimkien maż-żgħażagħ u l-istudenti, flimkien man-negozji, flimkien mal-ħaddiema. Malta flimkien, il-futur sabiħ, l-futur f’idejk.”
il-Prim Ministru Robert Abela