“Is-sitwazzjoni f’Gaza ta’ eluf ta’ persuni innoċenti mejta fosthom nisa u tfal u li għadek kif semmejt inti António Guterres, jiġifieri familji sħaħ bla ilma u ikel, hi wake-up call għalina lkoll fl-Unjoni Ewropea”, hekk saħaq il-Prim Ministru Robert Abela fi Brussell fil-ftuħ tal-Kunsill Ewropew li beda bejn il-Mexxejja Ewropej flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres.
Dr Abela żied jgħid, “It-tfittxija għall-paċi u l-progress soċjali f’dinja sigura mhux biss huma valuri importanti mħaddna fil-Kostituzzjoni tagħna iżda parti mill-azzjoni tagħna fuq livell globali, inkluż bħala membri fil-Kunsill tas-Sigurtà fi ħdan il-Ġnus Magħquda.”
Il-Prim Ministru Malti kien wieħed minn ftit Mexxejja Ewropej li kellu l-opportunità li jindirizza l-Kunsill Ewropew mhux biss għall-pożizzjoni kostanti u b’saħħitha tal-Gvern Malti favur il-paċi u l-waqfien mill-ġlied, tant li kienet riżoluzzjoni mbuttata minn Malta li ġabet qbil dwar il-ħtieġa ta’ għajnuna umanitarja f’Gaza, iżda anki minħabba l-fatt li bħalissa Malta tokkupa siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li neħtieġu sforz kollettiv biex minnufih inwaqqfu l-ġlied b’mod permanenti. Hawn kien qed jitkellem b’mod partikolari dwar il-gwerra f’Gaza.
Il-Prim Ministru qal li filwaqt li huwa tajjeb li l-Unjoni Ewropea qed tiffinanzja għajnuna umanitarja għall-Palestinjani, il-Kunsill Ewropew kien qed ikun sieket u issa jidher li bdejna nitkellmu, filwaqt li saħaq fuq l-importanza li fil-konklużjonijiet ikun hemm talba għall-waqfien mill-ġlied.
Dr Abela saħaq li s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza u rapporti li n-nies qed ibatu l-ġuħ hija kwistjoni tal-biża’ li ma nistgħux indawru wiċċna għaliha. Saħaq li l-ħtieġa ta’ għajnuna umanitarja hi kbira u għandha tingħata biex intaffu mit-tbatijiet. Il-Prim Ministru Abela rrimarka kif Guteress qed jaħdem bi sħiħ favur il-paċi anki jekk qed jieħu pożizzjonijiet iebsa biex jiddefendi l-umanità.
Fir-rimarki konklussivi tiegħu, il-Prim Ministru sostna li nħarsu ’l quddiem għall-Patt għall-Futur li jfisser li nippreparaw irwieħna fl-isfidi futuri li jekk ma nħejjux għalihom, iħallas b’mod qares il-bniedem. Hawn semma wkoll it-tibdil fil-klima. Saħaq li l-Unjoni Ewropea u l-Ġnus Magħquda jistgħu jikkolaboraw iżjed fuq dan l-aspett.
AQRA AKTAR: