It-Tlieta, il-Prim Ministru Malti Robert Abela kellu laqgħa bilaterali importanti mal-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz, fil-kapitali Ġermaniża, Berlin.
F’din il-laqgħa, il-Prim Ministru Malti għadda l-messaġġ li ż-żewġ pajjiżi għandhom fejn isaħħu l-koperazzjoni b’saħħitha li diġà teżisti. Dan hekk kif il-Ġermanja hi l-akbar sieħeb kummerċjali għal Malta b’żieda qawwija fl-esportazzjoni u l-importazzjoni f’dan l-aħħar diċenju.
“Il-Ġermanja, issa għal numru ta’ snin, hi l-akbar trade partner ta’ pajjiżna, kemm għal dik li hi importazzjoni u kif ukoll l-esportazzjoni, li għandek dak il-kuntest importanti ferm mill-att ekonomiku. Illum irrealizzajt kemm kien hemm temi li għandna veduti dwarhom, jiġifieri l-isfidi geopolitiċi, li mhux neċessarjament huma preċiżi. Il-valur tal-paċi li hu għażiż huma għaż-żewġ naħat.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’kummenti lill-ġurnalisti wara l-laqgħa bilaterali, Dr Abela sostna li ż-żewġ pajjiżi għandhom interessi komuni u li għandha tiżdied il-koperazzjoni tagħhom, fosthom f’oqsma ekonomiċi bħall-manifattura, l-avjazzjoni u s-servizzi finanzjarji. Dan favur aktar investiment li jkun sostenibbli u li joħloq karrieri ta’ kwalità għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Iż-żewġ mexxejja tkellmu wkoll dwar temi importanti oħrajn, fosthom l-migrazzjoni u t-tisħiħ tad-djalogu u appoġġ lejn pajjiżi oħrajn fil-Mediterran, bħal mhuma l-Libja u t-Tuneżija.
Abela u Scholz iddiskutew ir-rwol ta’ pajjiżna b’siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, fejn intqal li se jitkompla jitwassal il-vuċi favur il-paċi – messaġġ konsistenti li twassal ukoll waqt li l-Prim Ministru Malti żar l-Awstrija fil-jum tat-Tnejn.
It-taħditiet iffokaw ukoll is-settur tal-enerġija u l-qalba ambjentali f’dan il-qasam. Hawn issemmiet l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni, b’koperazzjoni strateġika f’reġjuni differenti, bħal dak li qed tagħmel Malta biex il-Mediterran isir ċentru ta’ enerġija nadifa.
Din il-laqgħa f’Berlin saret jum wara, li l-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mal-Kanċillier Awstrijak Karl Nehammer, fi Vjenna.
F’Berlin, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
A very positive meeting in Berlin with @OlafScholz diving deep into global challenges, migration & economic affairs, especially clean tech investments. Great potential for enhanced collaboration between 🇲🇹 & 🇩🇪 in emerging sectors. – RA pic.twitter.com/6uT8861QVV
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 28, 2023
AQRA AKTAR: