Qabel l-indirizz tiegħu fin-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu laqgħa ma’ diversi investituri, fosthom emigranti Maltin li għamlu suċċess fl-Istati Uniti.
Il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru Carmelo Abela ltaqgħu ma’ diversi investituri fejn magħhom ddiskutew diversi temi fosthom il-qasam finanzjarju Malti u l-blockchain.
Dr Muscat tkellem dwar l-andament tal-ekonomija Maltija u spjega kif it-tkabbir fl-eknomija ta’ pajjiżna bħalissa hu t-tripplu tal-medja tal-Unjoni Ewropea.
L-investituri ddiskutew mal-Prim Ministru l-opportunitajiet varji ta’ investiment f’bosta oqsma f’Malta, fejn tenna kif pajjiżna diġà qed jara investiment minn kumpaniji Amerikani fosthom il-Crane Currency.
Huwa temm jgħid li l-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta, qed tqis il-possibilità li tibda topera titjiriet diretti lejn New York, pass ‘il quddiem li żgur ser jiġbed aktar investiment u turisti lejn pajjiżna.