Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ grupp ta’ studenti tal-MCAST li llejla nġabru barra l-Parlament wara li azzjonijiet industrijali ordnati mill-Unjin għall-Għalliema, l-MUT, impattaw il-progress tagħhom fejn, fost l-oħrajn, baqgħu ma rċevewx marki għal assessjar li sar fuqhom.
Illejla hekk kif il-Prim Ministru kien qed jattendi għas-seduta Parlamentari, dlonk stieden lill-istudenti jidħlu miegħu fil-Parlament fejn iltaqgħu u ġiet diskussa s-sitwazzjoni.
Fil-fatt wara l-laqgħa, il-Prim Ministru rrimarka kif dejjem saħaq li qatt mhu ġust li l-istudent jispiċċa vittma ta’ azzjonijiet industrijali speċjalment meta jkun hemm rieda u proposti fuq il-mejda. Il-Prim Ministru saħaq li se jkompli jitkellem mal-istudenti fejn fil-fatt hemm laqgħa oħra skedata.
Illum ukoll tlaqqa’ l-Kumitat interim li għandu l-għan li jiżgura kontinwità fl-MCAST. Dan il-Kumitat, li beda jaħdem mat-tmexxija tal-Kulleġġ b’mod immedjat għandu jassigura appoġġ, fosthom lill-istudenti u l-edukaturi, fis-sitwazzjoni preżenti ta’ direttivi li għadhom fis-seħħ.
Intant Kunsill Studenti MCAST, permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali, spjegaw kif jinsabu grati li l-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ u ddiskuta mal-istudenti sabiex b’hekk tinstab solluzzjoni.