Il-Prim Ministru Robert Abela bagħat ittra oħra lill-Prim Imħallef Mark Chetcuti dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia, li tilef ħajtu f’Diċembru li għadda, wara li ġġarrfet binja fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.
F’din l-ittra, il-Prim Ministru qal li l-Erbgħa l-Parlament ingħaqad fl-appell biex fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-Prim Imħallef tiġi żġurata ħalli l-inkjesta tiġi konkluża u l-kors tal-ġustizzja jimxi ’l quddiem u kull min kien responsabbli jitressaq quddiem il-ġustizzja.
Dr Abela qal li l-Parlament tenna l-appell li każi bħal dawn jingħataw prijorità assoluta biex jintbagħat messaġġ ċar fis-soċjetà li inċidenti bħal dan mhumiex aċċettabbli u li kulħadd għandu jwieġeb għal għemilu.
Il-Prim Ministru qal li “illum it-terminu statutorju li fih għandha inkjesta, skont il-Kodiċi Kriminali, skada bil-bosta u hu ta’ tħassib għall-Gvern u għall-Parlament li minkejja dan, ma hemm l-ebda indikazzjoni pubblika li din l-Inkjesta qegħda tingħata prijorità.”
Hu qal li ma jistax iwarrab id-dmir tiegħu bħala Prim Ministru u talab lill-Prim Imħallef biex il-Maġistrat Inkwirenti tagħmel ġustizzja mal-gravità tal-każ u tasal għall-konklużjonijiet tagħha billi tagħlaq l-inkjesta mingħajr aktar dewmien.
Din l-ittra tal-Prim Ministru lill-Prim Imħallef issegwi ittra oħra simili li Dr Abela kien bagħat tliet xhur ilu, fit-13 t’April. Din issegwi wkoll il-vot li ttieħed ilbieraħ fil-Parlament biex ikun hemm ġustizzja fil-każ sħiħa ta’ Jean Paul Sofia.