Gvern Laburista ġdid se jkun qed iwessa’ l-eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-enerġija.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività politika bit-tema Malta Flimkien f’Ħaż Żabbar hekk kif spjega li b’hekk eluf ta’ pensjonanti se jibdew jikkwalifikaw għal dan il-benefiċċju biex b’hekk jifdlilhom aktar flus fil-but.
Dr Abela spjega kif fil-fatt se jkun qed jkun qed jiġi mgħolli l-limitu.
“Se nkunu qed inwessgħu l-eliġibilita għall-benefiċċju tal-enerġija. U meta nagħmli hekk se jfisser li eluf ta’ pensjonanti se jibdew jikkwalifikaw għalih. Din miżura oħra li se tħallilkom iktar dħul fil-but. Se ngħollu l-limitu biex wieħed ikun eleġibbli għalih b’mill-anqas elfejn u ħames mitt ewro fis-sena għal koppji bi dħul baxx. Dan ifisser li ħafna minnkom il-pensjonanti tiġu eliġbbli.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Quddiem folla li attendiet bi ħġarha sabiex tisma’ l-indirizz tal-Prim Ministru, Dr Abela spjega kif din il-miżura se tikkumplimenta ż-żidiet fil-pensjonijiet u t-tnaqqis fl-income tax.
Fil-fatt, Dr Abela spjega wkoll kif dawk li għandhom aktar minn 75 sena u joqogħdu fi djarhom l-għotja li diġà tingħatalhom se tiżdied b’mitejn ewro filwaqt li jingħatawlom internet b’xejn.
B’dan kollu Dr Abela tenna li se jkun stmat li l-anzjani se jibqalhom f’buthom €1,600.
Hawn il-Prim Ministru tenna d-differenza ma’ dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista.
“Magħna se tmorru għall-aħjar. Ma’ ħaddieħor ma tkunux tafu fejn qegħdin. Jekk tipprova tifhem x’se jagħtikom jekk tafdawh Prim Ministru, ħlief formoli b’termini u kundizzjonijiet ma ssibx. Aħna ċar kristall. Ngħidulkom kemm, kif u meta. U min jgħidilna, kważi kważi jikkritikana, għax se nagħtu iktar flus jew għax qed nifirxu l-ġid, inwieġbu b’mod ċar ħafna.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru aċċenna għall-kritika ta’ Bernard Grech u l-esponenti tal-establishment fil-konfront tal-proposti fosthom it-tisħiħ fiċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa.
“Hux il-Kap tal-Oppożizzjoni qalilkom għamlu search biex issibu l-wegħdi?! Oħorġuh il-mobile u agħmlu search fil-manifest tagħhom u ara ssibuhx iċ-ċekk ta’ rifużjoni. Ma ssibuhx. Dak li ma ħallasx taxxa sakemm daħal fil-politika, lilkom issa jrid joħdilkom ir-rifużjoni tat-taxxa. Ma’ Bernard Grech mingħajr ċekk rifużjoni tat-taxxa. Magħna tieħdu r-rifużjoni u tgawdu wkoll mit-twessiegħa fit-tax bands.”
il-Prim Ministru Robert Abela
B’differenza l-Prim Ministru tenna li l-Partit Laburista m’għandu xejn kontra li kulħadd igawdi u filwaqt li se jibqa’ jagħmel hekk se jibqa’ bil-prinċipju li jwieżen liż-żgħir.
“Tradizzjonalment intom hawn dejjem appoġjatuna biex inwettqu l-bidliet. U ta’ dak ħallastu l-prezz tal-politika tal-pika ta’ ħaddieħor. Ta’ dawk li jridukom tibqgħu d-dar fis-26 ta’ Marzu. Aħna dak l-appoġġ qatt ma ħadnih for granted. Ħdimna u se nibqgħu naħdmu għalih. Ħaddieħor nesikom aħna qed ninvestu b’mod rekord f’dawn in-naħat.”
il-Prim Ministru Robert Abela