“Il-mira ewlenija ta’ dan il-Gvern hija li jkompli jaħdem biex il-faqar f’pajjiżna jkompli jonqos.”
Kien b’dan il-kliem li l-Prim Ministru Robert Abela beda l-laqgħa tiegħu f’Kastilja ma’ rappreżentanti mill-Alleanza Kontra l-Faqar.
Il-Prim Ministru qal li biex jiġi indirizzat il-faqar, wieħed irid jaċċetta u jirrikonoxxi li jeżisti u li mhuwhiex perċezzjoni.
Qal li nistgħu ngħidu li għandna soċjetà ġusta u ħanina meta naħsbu f’min jinsab fis-saffi l-aktar ‘l isfel tas-soċjetà.
Robert Abela semma l-miżuri tal-vouchers u l-wage supplement tul l-imxija u qal li dawn kienu intiżi biex isaħħu l-but tal-ħaddiem.
“Il-faqar huwa suġġett għal qalbi u bħala Gvern li r-ruħ soċjali hija waħda mill-pedamenti li jemmen fiha, inħares ‘il quddiem li niddiskutu aktar biex neradikaw il-faqar f’pajjiżna”, temm jgħid il-Prim Ministru Abela.
Matthew Borg, mill-Alleanza Kontra l-Faqar, ppreżenta numru ta’ proposti lill-Prim Ministru f’dokument bit-tema “Ekonomija Inklussiva Xprunata Minn Kulħadd”, imsejsa fuq suġġerimenti li jaraw lir-rota ekonomika ddur bis-saħħa ta’ kulħadd.
Irrikonoxxa li sena wara sena, l-istatistiċi juru li l-faqar qed jonqos, iżda appella biex isir iktar ħalli kulħadd igawdi mill-għajnuna li tingħata.
Huwa temm jisħaq fuq l-importanza li fiċ-ċentru tal-politika, dejjem ikun hemm il-fqir.