Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li l-kampanja tal-European Trade Union Confederation, dwar kif l-Ewropa għandha bżonn żieda fil-pagi, hija waħda li hu jappoġġja. Saħansitra qal li se jaħdem biex Malta tkun l-ewwel waħda li timplimentaha. Meta tkellem quddiem uffiċjali ta’ unions minn madwar l-Ewropa, fakkar fl-impenn tal-Gvern Malti li tiżdied il-paga minima u fakkar kif il-Gvern diġà ħa diversi miżuri li jgħinu lill-ħaddiema.
Irrefera għad-dikjarazzjoni tal-Papa Franġisku fejn qal li dawk responsabbli mill-ħaddiema huma obbligati biex jagħmlu minn kolllox biex kulħadd jaħdem, jimxi b’rasu mħgollija u jaħdem għad-dinjità.
Meta tkellem dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, saħaq kif l-Ewropa m’għandhiex tirtira ta’ sittin sena. Fakkar kif il-ġimgħa d-dieħla l-Unjoni Ewropea se tiċċelebra s-60 sena mill-eżistenza tagħha u qal li hawn l-Ewropa għandha ġġedded lilha nnifisha u tpoġġi ‘l quddiem idea ottimista tal-Unjoni Ewropea.
Hu sostna li l-kwistjoni tad-drittijiet soċjali hija pilastru ewlieni fl-Unjoni Ewropea fejn qal li mingħajr drittijiet soċjali, l-Ewropa tkun bla ruħ u mingħajr għan. Il-Prim Ministru qal li l-Ewropa għandha tfisser prosperità imma wkoll progress soċjali.
Semma kif hemm żewġ naħat tal-istess munita, dik li l-Ewropa għandha timbarka fuq proġetti soċjali iżda fl-istess waqt li jkollha tkabbir ekonomiku neċessarju biex tassew tkun sostenibbli.