F’Santa Luċija, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jitkellem dwar il-proposti tal-Partit Laburista għal leġislatura li jmiss fosthom dawk li jolqtu lis-settur edukattiv waqt sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba.
Għal mistoqsija minn edukatur, il-Mexxej Laburista kellu aħbarijiet sbieħ ħafna fosthom dwar is-salarji għall-edukaturi, li spjega li dawn se jkunu qed jiżdiedu wara emendi fil-ftehim kollettiv.
“Jekk dan il-moviment jingħata l-fiduċja fis-26 ta’ Marzu, se jkun qiegħed isaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi tagħna. U meta ngħid se jkun qiegħed isaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol ifisser titjib sinifikanti fil-pagi tagħkom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Madankollu dan mhux biss hekk kif il-Prim Ministru ħabbar proposta li tolqot lill-LSEs u l-Kindergarten Assistants kollha, li issa se jkunu qed jitħallsu waqt it-taħriġ li jkunu qed jagħtu biex isiru edukaturi.
“U allura qed nitkellem issa dwar dawk l-istudenti li qed jistudjaw u li sa issa ma jitħallsux, hemm min jitħallas u min ma jitħallasx, imma se nitkellem aktar issa dwar dawk li ma jitħallsux, biex jilħqu edukaturi tal-kindergarten, jew learning support educators. Hawnhekk, il-proposta tagħna se tkun, il-miżura li qiegħed inħabbar issa se tkun li dawn se jibdew jirċievu l-ħlas kollha kemm huma waqt it-teaching practice huma wkoll.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tkellem fuq proposti oħra għaż-żgħażagħ u l-garanzija għat-tfal ta’ €145 miljun.
Din tinkludi l-estensjoni tal-one tablet per child fis-sekondarja, l-għotja t’€1,500 għal kull wild li jkompli bil-vjaġġ edukattiv wara s-16-il sena u sett ta’ kotba kull sena għat-tfal, fost oħrajn.