“Flimkien se nkomplu naħdmu biex nilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies għal kwalità ta’ ħajja aħjar. F’ċirkostanzi internazzjonali partikolari, bqajna u se nibqgħu nipprovdu stabbiltà, ċertezza u s-serħan il-moħħ.”
Kien dan il-prinċipju ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ b’saħħtu minn ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja għas-sena l-ġdida.
Fil-fatt, il-Prim Ministru beda l-messaġġ tiegħu billi ta’ ħarsa lejn l-aħħar sena, b’ċirkostanzi internazzjonali jeħtieġu mill-Gvern Malti biex jibqa’ jipprovdi stabbiltà, ċertezza u serħan il-moħħ.
Hawn Dr Abela ta’ rendikont ta’ dawk l-isfidi li ddominaw fosthom dik tal-inflazzjoni u sostna kif hawn il-Gvern għażel it-triq tal-investiment u l-progress minflok dik ta’ qtiegħ il-qalb u l-awsterità.
Dan fost oħrajn wassal għal miżuri u riformi importanti fosthom dik li affetwat il-Paga Minima Nazzjonali.
“Saħansitra wasalna għal qbil bejn l-imsieħba soċjali kollha biex ikollna l-ikbar żieda fil-Paga Minima Nazzjonali fl-istorja. U bħala Gvern ħabbarna Baġit li fih bqajna nkunu ta’ spalla għal kulħadd.”
Robert Abela – Prim Ministru
Dr Abela fakkar ukoll kif fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jidħlu fis-seħħ aktar miżuri importanti, biex jiġġieldu fost oħrajn, il-fenomenu tal-għoli tal-ħajja.
“Fil-jiem li ġejjin, jidħlu fis-seħħ aktar miżuri illi diġà ħabbarna u se nibqgħu naħdmu mal-istakeholders kollha biex ikollna suċċess akbar fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja. Nistgħu nagħmlu dan għax pajjiżna għandu ekonomija li baqgħet għaddejja b’ritmu b’saħħtu u dan ma ngħidux jien. Jgħiduh l-esperti illi jpoġġuna fost l-aqwa fl-Ewropa fl-oqsma tal-ħolqien tax-xogħol u tal-ħolqien tal-ġid.”
Robert Abela – Prim Ministru
Iżda l-Prim Ministru ma waqafx hawn, hekk kif wassal messaġġ ta’ umiltá favur il-prijoritajiet tan-nies.
“Dawk iċ-ċirkostanzi fejn stajna ħdimna differenti jew fejn stajna fhimna aktar il-prijoritajiet tan-nies, se jservuna ta’ tagħlima. Biex matul is-sena nwettqu ħidma akbar fl-oqsma kruċjali biex pajjiżna jimxi ’l quddiem. Fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fis-sigurtà fuq quddiem nett.”
Robert Abela – Prim Ministru
Fil-messaġġ tiegħu, il-Prim Ministru ma naqasx ukoll milli jindirizza numru ta’ sfidi li jikkaratterizzaw lil pajjiżna, b’realtajiet ġodda, fosthom dik il-popolazzjoni.
“Iżda, pajjiżna wkoll qed jiffaċċja realtajiet ġodda bħal popolazzjoni aktar anzjana. Għalhekk, nilqgħu fostna ħaddiema minn pajjiżi oħra. Żgur li qatt mhu se nkunu populisti u nitkellmu b’mod dispreġġjattiv fil-konfront ta’ dawn il-persuni daqslikieku dawn ġew hawn biex jagħmlulna l-ħsara, jew li huma bnedmin b’dinjità jew valur inqas. Fl-istess ħin iżda se nkomplu nimplimentaw numru ta’ bidliet illi jsaħħu l-kontroll tal-awtoritajiet Maltin, u li jieħdu ħsieb id-dinjità ta’ kulħadd.”
Robert Abela – Prim Ministru
Għalhekk, il-Prim Ministru kompla jtenni l-importanza tar-riformi.
Riformi li qed jiġu implimentati fosthom ukoll fis-settur tal-kostruzzjoni fejn iddaħħal l-obbligu ta’ liċenzja għal min irid jaħdem f’dan is-settur.
Ma jonqsux ukoll ir-riformi ambjentali fejn ittieħdu deċiżjonijiet importanti favur il-ħarsien tal-ambjent fosthom dawk li permezz tagħhom Ħondoq ir-Rummien se jibqa’ mhux mittiefes.
Dr Abela tenna li fil-fatt, dawn ir-riformi jridu jkomplu jintensifikaw tul iż-żmien li ġej, favur aktar bidla pożittiva.
Filwaqt li temm il-messaġġ tiegħu bl-awgurju għas-sena l-ġdida, il-Prim Ministru tenna li pajjiżna se jibqa’ mixi ’l quddiem skond ir-rieda tan-nies.
“Dan huwa pajjiżna u jitmexxa ’l quddiem skont ir-rieda tagħkom. U jien persważ li bħali tridu pajjiż li jibqa’ miexi ’l quddiem, għalikom u għall-familji u dawk li l-aktar tħobbu f’ħajjitkom. F’ismi, f’isem marti Lydia u bintna Giorgia Mae, nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom sena hienja, mimlija risq, saħħa u paċi.”
Robert Abela – Prim Ministru