Il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif bħalissa għandu diskussjonijiet ma’ għaqdiet u persuni li wrew fehmiet differenti b’rabta mal-emenda għall-protezzjoni ta’ saħħet u ħajjet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala.
Fi tweġiba lill-ġurnalista ta’ The Malta Independent waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru qal li mil-lum stess għandu dawn id-diskussjonijiet, li se jintensifikaw il-ġimgħa d-dieħla.
Il-Prim Ministru qal li fid-diskussjonijiet se jiġi ddentifikat it-tħassib ġenwin fosthom biex jiġi indirizzat abbuż potenzjali biex imbagħad il-Gvern iressaq emenda għall-emenda fi stadju ta’ Kumitat parlamentari.
Il-Prim Ministru qal li ż-żewġ prinċipji jibqgħu hemm, jiġifieri li ħajjet l-omm tibqa’ sagrosanta u anki saħħet l-omm hija daqstant importanti iżda l-Gvern se jara li dak imressaq ’il quddiem ma jagħti l-ebda lok għal abbuż.