Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, żaru d-Dipartiment tal-Inġinerija fl-Isptar Mater Dei, li jinsab taħt l-iswali u l-kurituri tal-isptar, u li huwa responsabbli mill-infrastruttura operattiva tal-binja.
F’dan id-Dipartiment, wieħed isib l-istazzjon tal-elettriku, il-ġeneraturi tal-emerġenza, impjanti, boilers u chillers ewlenin.
Minnu jaslu s-servizzi kollha meħtieġa tal-isptar, fosthom l-ilma u l-elettriku.
Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mat-tim tat-tifi tan-nar, li huwa stazzjonat f’Mater Dei u li jagħti l-ewwel għajnuna f’każ ta’ inċident. Barraminnhekk, l-uffiċjali fi ħdan dan it-tim iwettaq spezzjonijiet marbuta ma’ sigurtà u jorganizzaw eżerċizzji ta’ tifi tan-nar f’diversi swali u dipartimenti kull ġimgħa.
Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mal-ħaddiema tat-Taqsima tal-Immaniġġjar tal-Iskart, li huma responsabbli mis-separazzjoni tal-iskart kollu li jinġabar fl-Isptar Mater Dei.
Meta kien qed jitkellem mal-ħaddiema, il-Prim Ministru rringrazzjahom ta’ ħidmiethom speċjalment fil-pandemija li qamu għall-okkażjoni biex jipprovdu kull servizz infrastrutturali li kien hemm bżonn fl-isptar.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rrikonoxxa l-irwoli kruċjali ta’ dawn il-ħaddiema li jaħdmu minn wara l-kwinti u li iżda mingħajrhom l-isptar ma jkunx jista’ jopera.