Waqt li beda jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela għadda messaġġ ċar dwar ir-riforma li se tkun qed tirregola l-użu tal-inkjesti maġisterjali f’pajjiżna.
“Mhemm ebda ħsieb li l-inkjesta maġisterjali tal-privat tiġi eliminata, iżda se nkunu qed nirresponsabbilizzaw l-użu tagħha. L-ewwel nett biex nipproteġu l-ġudikatura, il-maġistratura milli jien informat, ma hi kuntenta xejn li qegħda tintuża bħala ballun politiku. It-tieni hi biex nipproteġu lill-poplu Malti u Għawdxi minn attakki li jsiru bħala retribuzzjoni, bħala tpattija.”
Il-Prim Ministru, Robert AbelaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Hawnhekk il-Prim Ministru semma partikolarment il-każ tal-Maġistrat Nadine Lia, li sfat attakkata mill-President Onorarju tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, wara li din ordnat investigazzjoni dwaru.
Il-Prim Ministru sostna li, bil-kontra tal-Oppożizzjoni, din ir-riforma se sservi biex il-ġudikatura timxi bl-aktar mod rett u mhux b’mod vendikattiv, azzjonijiet li mhumiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika.
“Però li nista’ nassigura hu li verament irridu nsaħħu r-riċerka tal-verità u s-sewwa. Kuntrarjament u, ħa nipponta lejn il-Partit Nazzjonalista, li l-ġustizzja jużaha u jabbużaha biex ikisser in-nies għax bil-fergħa estrema tiegħu, hu partit illum li jisipikkaw fih l-għira il-vendikazzjoni u t-tpattija għal dawk kollha li ma jaqblux miegħu.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Sadanittant dwar l-aħbar li r-rata tal-għoli tal-ħajja niżlet għal wieħed punt tmienja fil-mija f’Diċembru li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan intlaħaq għax dan il-Gvern, bil-kontra ta’ pajjiżi oħrajn, żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, minkejja li l-Oppożizzjoni dejjem u baqgħet tiddubita fil-ħidma li qed issir.
“Aħna kellna target li naslu għat-tnejn fil-mija u rnexxielna nissuperawh dak it-target u ssuperjanieh qabel ħsibna. Qabel ħsibna għax ma qagħadniex ċassi, jiġifieri filwaqt li pajjiżi oħrajn adottaw l-istrateġija li jħallu s-suq isuq, imbagħad eventwalment l-inflazzjoni tikkontrolla lilha nnifisha, aħna f’pajjiżna ħadna approach totalment bil-kontra. U għalhekk ngħid li l-2025 se tkun sena tajba u pożittiva ħafna għall-poplu Malti, għax l-akbar qarsa li bdiet timpatta lill-familji tagħna kienet l-inflazzjoni.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Mistoqsi dwar il-ħin ta’ stennija fl-isptarijiet, Dr Abela sostna li l-kollaborazzjoni tal-Gvern mal-privat, għandha l-għan li tnaqqas il-ħin ta’ stennija għall-pazjenti, waqt li f’Mater Dei, l-emerġenza tiffoka fuq każi aktar serji.
Fl-aħħar aċċenna li l-prijorità ewlenija f’dan il-qasam hi l-pazjenti.
“Il-prijorità hija l-pazjent. L-għan tiegħi hu li noperaw kemm nifilħu pazjenti, nutilizzaw ir-riżorsi kollha tal-Gvern u kif ukoll tal-privat, għax għandna l-infrastruttura biżżejjed biex dik il-waiting list inqaċċtuha f’temp relattivament qasir u naħseb, bi sforz, nistgħu naslu fi ftehim mat-tobba wkoll u wieħed isib is-soluzzjonijiet.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela