Fuq ONE Radio l-Prim Ministru beda bl-intervista billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha li matul il-lejl u dan il-jum għamlu xogħol imprezzabbli riżultat tal-maltemp qawwi li laqat il-gżejjer Maltin.
Fost l-oħrajn semma lil Pulizija, il-Protezzjoni Ċivili, l-Armata u tat-tindif pubbliku kif għadd ta’ voluntiera ta’ St. John Rescue u tal-Protezzjoni Ċivili.
Huwa qal li dawn għamlu xogħol siewi filwaqt li aħna konna għall-kenn fi djarna.
Filfatt Dr. Muscat spjega kif matul il-lejl il-Protezzjoni Ċivili rċievew mat-tliet mitt sejħa biex jintervjenu.
Dwar ix-xogħol bla qies li sar mill-ħaddiema kawża tal-maltemp, il-Prim Ministru faħħar ukoll il-ħaddiema tal-Enemalta li bdew iġibu l-provissta tad-dawl lura lil uħud mill-inħawi li spiċċaw bla elettriku.
Qal ukoll li s-servizz tal-Gozo Channel qed jibqa’ għaddej.
Fil-bidu tal-ġimgħa li ġejja, kif jgħadid l-maltemp, huwa mistenni li d-dipartiment tat-tindif pubbliku se jkun qed jagħmel tindifa ġenerali tal-pajjiż sabiex jitneħħa kull ostaklu u periklu fit-toroq tagħna.
B’rabta mal-maltemp, il-Prim Ministru semma wkoll lil dawk li forsi fost l-inqas li naħsbu fuqhom, jiġifieri l-bdiewa.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern Malti se jkun qed jagħmel argument sod sabiex jinġabu fondi Ewropej ta’ solidarjetà sabiex il-bdiewa jingħataw kumpens għal ħsarat li qed isirulhom bil-maltemp.
Qal ukoll li s-servizz tal-Gozo Channel qed jibqa’ għaddej filwaqt li xi nies fl-inħawi tal-bajja tal-Balluta bejn Tas-Sliema u San Ġiljan jistgħu jiġu evakwati.
Ritratt: Gareth Degiorgio