Il-Gvern irid jeqred l-istigma li hemm marbuta mas-saħħa mentali u jrid li din tibda titiqes bħal-kumplament ta’ mardi ieħor.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li ta l-awguri tal-Milied u l-ewwel tas-sena lill-Isqfijiet ta’ Malta għal sena oħra ta’ ħidma.
Fuq nota personali huwa ta’ ħajr ukoll lill-Arċisqof emeritu Pawlu Cremona dwar intervista li għamel dwar is-saħħa mentali tiegħu u li għenet mhux ftit sabiex tkompli tinkiser l-istigma. Il-Prim Ministru saħaq ukoll dwar l-importanza li jinbena sptar mentali ġdid.
L-Arċisqof Charles Scicluna laqa’ dan l-impenn tal-Gvern u saħaq li minkejja li Monte Karmeli huwa sptar antik xorta waħda għad hemm il-bżonn li jitranġa hekk kif pazjenti li ilhom rikoverati għal numru ta’ snin isibuha kważi impossibbli li jgħixu fil-komunità. Hawnhekk huwa rrefera għall-Italja fejn il-politka tagħha li tgħalaq l-isptarijiet mentali kollha kienet swiet qares lill-ħafna.
L-Arċisqof laqa’ wkoll il-ħidma tal-Gvern li qed iżżomm ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet tajba ħafna.
Huwa laqa’ wkoll l-istabbilta politika li għandna f’pajjiżna u qal li s-suċċess ekonomiku huwa ta’ opportunità għal aktar ġid.
Spjega kif permezz ta’ dan il-progress, qed jitqassam aktar ġid lill-familji u dawk fil-bżonn. Madankollu semma kif ekonomija li sejra tajjeb toħloq il-faqar u wiegħed li l-knisja hija lesta li tkompli taħdem biex tindirizza dis-sitwazzjoni.
Semma li fuq ix-xefaq tal-aġenda politika jidher li ’l quddiem ser ikun hemm dibattitu dwar l-abort. Qal li l-Knisja, li għandha kelma ċara fuq id-dritt tal-ħajja, trid ukoll li permezz ta’ koperazzjoni mal-Gvern, toħloq xibka ta’ solidarjetà ma’ nisa li jinsabu f’diffikultajiet u li għalihom it-tqala ssir piż insapportabbli.
Sostna li jekk il-kelma tal-Knisja ma jkollhiex ukoll din ix-xibka konkreta ta’ appoġġ, se tkun kelma li mhix kredibbli biżżejjed.
Dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, l-Arċisqof ta ħajr lill-Gvern li mill-ewwel aċċetta dan il-proċess ta’ analiżi tal-istituzzjonijiet tiegħu u allura hemm id-disponibbiltà li wieħed jaħdem sabiex ikun hemm istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-drittijiet ta’ kulħadd.
Huwa rringrazzja wkoll lill-Prim Ministru ghal kontribut li qed jagħti fuq materji internazzjonali u spjega kif huwa jħoss li d-diskorsi ta’ Dr Muscat qed jgħinu f’diversi sitwazzjonijiet madwar id-dinja kif ukoll dwar Brexit.
L-Arċisqof temm il-messaġġ tiegħu billi ta ktejjeb bl-omeliji u diskorsi li għamel tul din is-sena lill-Prim Ministru.