Il-Prim Ministru tal-Belġju, Alexander De Croo, huwa fost dawk li kkummentaw dwar l-iskandlu ta’ korruzzjoni fil-Parlament Ewropew.
Mingħajr wisq tidwir mal-lewża, il-Prim Ministru De Croo kkummenta li “apparentament, il-ġustizzja Belġjana qed tagħmel dak li falla milli jagħmel il-Parlament Ewropew.”
Huwa żied jgħid li l-Parlament Ewropew għandu ħafna mezzi kif jirregola lilu nnifsu, “iżda, apparentement is-sistema ma kinitx biżżejjed,” qal il-Prim Ministru Belġjan.
De Croo ma kienx l-ewwel wieħed li kkummenta fuq kif is-sistemi tal-Parlament Ewropew fallew. Attivisti kkummentaw kif anke kliem il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, kien żbaljat. Hi qalet li dan hu attakk fuq id-demokrazija Ewropea, iżda l-attivisti qalulha li dak li ġara ġabuh bi jdejhom.