Pajjiżi li huma żgħar u li jistgħu jmexxu u jbiddlu b’mod aktar veloċi, qed ikunu mgħejuna ħafna permezz tal-innovazzjoni b’tali mod li qed tonqos l-importanza tal-lokazzjoni fiżika u tiżdied dik ta’ liema pajjiż l-aktar li jippromwovi l-innovazzjoni f’kull qasam. Din hija l-esperjenza li għaddejja minnha Malta. Illum it-teknoloġija u l-innovazzjoni qed ikunu muturi ewlenin li qed jixprunaw l-ekonomija Maltija f’kull qasam.
Stqarr dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza l-Forum tal-Kummerċ u l-Innovazzjoni waqt l-ewwel expo internazzjonali f’Shanghai, iċ-Ċina, f’panel flimkien mal-fundatur ta’ Microsoft Bill Gates u l-fundatur ta’ Alibaba Jack Ma.Dr Muscat sostna li l-protezzjoniżmu huwa totalment l-oppost tal-innovazzjoni u tat-tisħiħ teknoloġiku hekk kif permezz tal-istess teknoloġija u innovazzjoni nfetħu beraħ aktar opportunitajiet. L-iżvilupp teknoloġiku qed iwassal għal aktar kuxjenza biex il-pajjiżi madwar id-dinja jilleġiżlaw u joħolqu oqsfa regolatorji, tenna l-Prim Ministru.
Joseph Muscat spjega kif proprju kmieni l-ġimgħa l-oħra daħlu fis-seħħ f’Malta l-ewwel liġijiet tax-xorta tagħhom fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja, liġijiet li jirregolaw is-settur tal-blockchain. Il-Prim Ministru saħaq li l-kumpaniji li proprju joperaw bil-blockchain ifittxu huma stess li jkun hemm regolarizzazzjoni li toffri aktar serħan tal-moħħ.
Dr Muscat semma’ wkoll il-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali u stqarr li din it-teknoloġija għandha l-potenzjal li tbiddel mhux biss il-qasam tax-xogħol iżda l-ħajja li ngħixu b’mod ġenerali.
Il-Prim Ministru saħaq li hemm bżonn diskussjonijiet dwar is-suġġett, fosthom dwar x’se jkunu l-ħiliet u l-livelli edukattivi meħtieġa fil-futur fiż-żmien fejn il-magni se jkunu qed jagħmlu dak li qed jagħmel il-bniedem illum.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega kif l-aktar argumenti popolari u li qed jirreżistu t-teknoloġija AI huma l-istess argumenti li wieħed jisma’ kontra l-kummerċ ħieles u kontra l-moviment liberu tan-nies. Argumenti li s-sentiment ewlieni tagħhom huwa xprunat mill-biża’, stqarr Dr Muscat, filwaqt li tenna li m’għandux ikun hemm biża’ minkejja l-isfidi li ġġib magħha din it-teknoloġija.
Joseph Muscat saħaq li l-piż ta’ din l-isfida m’għandux jintrefa’ minn pajjiż, korporazzjoni, jew kontinent waħdu u tenna li l-AI għandha tkun imexxija minn qafas regolatorju dinji.
Ritratt: Jason Borg