Ingħatat bidu għas-sitta u għoxrin edizzjoni tal-Istrina, fejn bosta mistidnin distinti taw bidu għal dawn it-tnax -il siegħa ta’ maratona ġbir ta’ fondi.
Il-Prim Ministru Robert Abela innota kif illum hija ġurnata fejn il-poplu jdaħħal idejh fil-but għal persuni li ilhom jgħixu realtà diffiċli għal żmien twil, simili għal kif il-bqija tad-dinja ilhom jgħixu f’dawn l-aħħar sentejn.
Għalhekk huwa sellem lil min jiġi fil-bżonn tal-Malta Community Chest Fund għall-kuraġġ tagħhom, u appella lil bqija tal-poplu sabiex bħal ma jagħmlu dawn in-nies, juri fiduċja fix-xjenza u s-settur mediku, u spikka wkoll l-appell sabiex tittieħed il-booster.
Intant, il-President ta’ Malta, Dr George Vella sostna kif l-Istrina hija ħajt ta’ kenn għal bosta persuni, u għalhekk appella sabiex ninsew id-differenzi li jifirduna, u niġu flimkien biex nagħtu l-appoġġ lil dawn in-nies.
Stqarr kif huwa jħares ‘il quddiem sabiex matul il-ġurnata jħares lejn in-numru ta’ donazzjonijiet dejjem jikber.
L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna nnota kif kull qatra tgħin u li bil-qatriet tal-poplu Malti u Għawdxi, kapaċi jinbidlu l-futuri tan-nies li jiġu bżonn il-Malta Community Chest Fund.
Min-naħa tiegħu il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech stqarr kif illum għandu jkun il-mument fejn naħsbu f’ħutna Maltin li forsi ma nafux u ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund, John Huber appella sabiex il-poplu jaċċetta dan l-invit tat-turija ta’ solidarjetà, li minkejja d-diffikultajiet, issir ta’ kull sena.