Il-Prim Ministru Robert Abela appella biex l-istituzzjonijiet jaraw li “ssir ġustizzja b’ħeffa mal-familja tal-vittma, fuq quddiem nett, u mas-soċjetà.” Dan meta kien qed iwieġeb domandi dwar l-inċident f’sit ta’ kostruzzjoni li ħalla ż-żagħżugħ Jean Paul Sofia mejjet f’Diċembru li għadda.
Fil-Parlament l-Prim Ministru qal li dwar dan il-każ bħalissa hemm inkjesti għaddejin u “jekk tassew irridu ġustizzja, ix-xogħol ta’ dawn l-istituzzjonijiet għandu jitħalla jsir f’serenità. Fl-istess ħin irrid nappellalhom biex jagħtu importanza massima lil dan il-każ, biex issir ġustizzja b’ċelerità mal-familja tal-vittma, fuq quddiem nett, u mas-soċjetà.”
Hu kien qed iwieġeb dwar jekk għandux ikun hemm inkjesta pubblika. “Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan il-każ qed tinżamm inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Inkwirenti u hemm ukoll l-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet relevanti oħra,” qal il-Prim Ministru filwaqt li tenna l-appelli tiegħu.