Il-Prim Ministru Robert Abela appella lill-pubbliku biex jagħti d-donazzjonijiet tiegħu lill-Caritas. Dan hekk kif bħalissa għaddejja l-maratona ta’ ġbir ta’ fondi.
Huwa saħaq li kull ewro li nagħtu nkunu qed ninvestuh f’ħutna Maltin u Għawdxin, speċjalment dawk li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli. Sostna li għal kull ewro li ninvestu s-soċjetà tkun qed tieħu ħafna aktar lura.
Dr Abela stqarr li huwa jqis lill-Caritas bħala waħda mill-akbar imsieħba fil-qasam soċjali ta’ pajjiżna. Dan għaliex hija twettaq xogħol importanti ħafna f’diversi oqsma tal-ħajja.
Spjega kif eluf ta’ persuni ngħataw ħajja aħjar jew ġdida permezz tal-ħidma li twettaq il-Caritas. Għaldaqstant, il-Prim Ministru tenna li l-Gvern jagħżel li jgħin fi proġetti tal-Caritas. Spjega kif fi ftit ġimgħat se jkunu qed jiġu konkluż proġetti importanti flimkien mal-Caritas.