L-Awstraljani se jkunu qed joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali fit-3 ta’ Mejju wara li l-Prim Ministru Anthony Albanese skatta l-proċess ta’ ħames ġimgħat ta’ kampanja elettorali hekk kif se jkun qed ifittex li jiġi fdat bit-tieni mandat ta’ tliet snin.
Dan ġie mħabbar wara li l-Ġimgħa, Albanese żar lill-Gvernatur Ġenerali Sam Mostyn fir-residenza uffiċjali tiegħu u wara saret konferenza tal-aħbarijiet mill-bini tal-Parlament.
Il-gvern Awstraljan bħalissa jinsab assedjat bi kriżi persistenti tal-għoli tal-ħajja u problemi ta’ nuqqas ta’ residenzi. Minn mindu laħaq Albanese r-rati tal-interessi għolew tnax-il darba bir-riżultat ikun għoli tal-ħajja sfrenat. Albanese kien ukoll wiegħed li se jsolvi l-problema tan-nuqqas ta’ abitazzjonijiet billi jibni 1.2 miljun dar f’ħames snin, iżda l-wegħda tal-2023 tidher ’l bogħod milli titwettaq.
Iż-żewġ kandidati ewlenin f’din l-elezzjoni se jkunu l-Prim Ministru attwali Antony Albanese mill-Partit Laburista u l-Kap tal-Oppożizzjoni Peter Dutton li jmexxi l-Partit Liberali. Dutton qed jgħid li se jnaqqas il-kompetizzjoni tal-housing billi jnaqqas l-immigrazzjoni u li jimmaniġġja aħjar l-ekonomija tal-pajjiż.
L-Awstralja tuża’ s-sistema ta’ maġġoranza assoluta fejn kandidat irid iġib aktar minn 50% tal-voti mitfugħa biex jirbaħ l-elezzjoni. Wisq probabbli iż-żewġ kandidati se jkunu qed jiffurmaw koalizzjonijiet sabiex jiġbru biżżejjed voti biex jaqsmu t-tragward tal-maġġoranza.