Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab f’Ruma għal laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni.
Meloni laqgħet lill-Prim Ministru Malti f’Palazzo Chigi għal taħdidiet fuq temi ta’ interess komuni għal Malta u l-Italja.
L-enerġija, id-difiża u l-immigrazzjoni ddominaw it-taħdidiet bejn iż-żewġ mexxejja, bl-ewwel tema hija qasam importanti ħafna għall-Italja u Malta.
Fi tmiem taħdidiet, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza konferenza tal-aħbarijiet mal-Prim Ministru Taljan.
Dr Abela rrefera għall-pjan magħruf bħala dak ta’ Mattei li qed timbotta l-Italja, jiġifieri koperazzjoni mal-Afrika dwar l-enerġija u azzjoni biex tonqos l-immgirazzjoni rregolari mill-Afrika.
“Dan huwa pjan li aħna nemmnu fiha”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela hu u jirrimarka li Malta dejjem tenniet pożizzjoni favur koperazzjoni mal-Afrika f’diversi oqsma, inkluż fuq l-użu ta’ enerġija alternattiva.
Il-Prim Ministru Abela rrefera għad-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Enerġija fil-laqgħa tal-MED9 f’Malta fejn intlaħaq ftehim favur li l-Mediterran isir ċentru ta’ enerġija nadifa fil-Mediterran.
Il-Prim Ministru Malti qal li l-għan kollettiv tagħna huwa li l-Ewropa tgawdi mill-potenzjal kbir li għandu l-Mediterran li jkun sors qawwi ta’ enerġija nadifa.
Dr Abela semma l-importanza t-tieni interconnector lejn Malta minn Ragusa u qal li qed iħares ’il quddiem lejn l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. Qal li issa se jkun grupp ta’ ħidma tekniku biex jiffaċilità l-fażijiet tal-proġett.
Dwar l-immigrazzjoni, Dr Abela tenna l-pożizzjoni ta’ Malta fil-ġlieda kontra t-traffikar uman.
“L-immigrazzjoni ma għandhiex tkun sfida għal Malta u l-Italja biss u tħalli lilna nfendu għal rasna iżda din hija kwistjoni tal-Ewropa kollha”, sostna l-Prim Ministru Malti f’Palazzo Chigi.
Huwa qal li Malta se tibqa’ tenfasizza fuq solidarjetà effikaċi filwaqt li pajjiżna jibqa’ jonora l-obbligi internazzjonali tiegħu.
Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni qalet li Malta u Italja għandhom l-istess prinċipji komuni, fosthom fil-migrazzjoni.
Hija tkellmet ukoll dwar ir-relazzjonijiet b’saħħithom li jgawdu ż-żewġ pajjiżi, kemm b’mod ekonomiku u anki storikament, u qalet li dawn se jkomplu jissaħħu.
Qabel din il-laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja tal-pajjiżi ġirien indaqq l-innu nazzjonali taż-żewġ pajjiżi; bl-ewwel indaqq l-innu Malti u wara ndaqq l-innu Taljan.
Wara l-Prim Ministri Abela u Meloni spezzjonaw il-gwardja tal-unur.