Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Tripli fil-Libja għal laqgħa mal-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibah.
Din hija t-tielet laqgħa mal-Prim Ministru tal-Gvern ta’ għaqda nazzjonali, Dbeibah.
It-taħdidiet fi Tripli mistennija jiffukaw fuq l-enerġija, is-sigurtà u l-immigrazzjoni kif ukoll koperazzjoni ekonomika.
Il-laqgħa fil-Libja ssegwi t-taħdidiet li kellu l-Prim Ministru Malti f’Ruma l-ġimgħa l-oħra mal-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni.
F’Ruma t-tema tal-enerġija ddominat id-diskussjonijiet tant li ż-żewġ mexxejja tkellmu dwar dak magħruf bħala l-“Piano Mattei” li jitkellem dwar koperazzjoni mal-Afrika dwar l-enerġija fost oħrajn.
F’dan ir-rigward, il-Prim Ministru Malti kien qal li l-koperazzjoni mal-Afrika ta’ Fuq li qed issostni wkoll l-Italja, huwa konformi mal-viżjoni ta’ Malta.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela fi Tripli hemm il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol.