81 plejer tat-tim nazzjonali tan-nisa ta’ Spanja qalu li mhux se jkunu qed jilgħabu aktar sakemm jitkeċċa l-President tal-Federazzjoni tal-Futbol Spanjol Luis Rubiales.
Dan wara li l-istess Rubiales bies lil Jenni Hermoso fuq xuftejha waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-midalji u t-trofew fil-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tan-nisa tal-futbol. Kompetizzjoni li t-tim Spanjol kien għadu kif rebaħ f’Sydney.
Hermoso sostniet li hija ma tatx il-kunsens tagħha għall-bewsa.
Rubiales irrifjuta li jirriżenja minħabba dan il-każ.
Il-Gvern Spanjol saħansitra beda proċeduri legali f’tentattiv li jissospendi lill-President tal-Federazzjoni filwaqt li l-Fifa wkoll bdiet tmexxi bi proċeduri dixxiplinarji.