Id-Dipartiment tar-Responsabbiltà Soċjali fil-Futbol fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA se tkun qed ittella’ avveniment bl-isem ta’ ‘IT’S NOT OK’ nhar il-Ħadd li ġej qabel il-logħba bejn ir-rivali Valletta kontra Floriana.
Dan se jsir bħala parti mill-kampajna ta’ sittax -il ġurnata t’attiviżmu biex jitwassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-vittimi ta’ vjolenza domestika fuq in-nisa li qed tmexxija ‘l quddiem mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela.
Peter Busuttil, l-uffiċjal tal-MFA stqarr li dan l-avveniment kif ukoll numru ta’ attivitajiet oħra li ittella’ l-MFA juru l-impenn tal-assoċjazzjoni biex jitwassal messaġġ soċjali anki permezz tal-logħba tal-ballun.
Hu żied jgħid li l-messaġġ li qed tgħaddi Dr Abela permezz tal-kampanja tagħha hija waħda li l-MFA tixtieq tissieħeb magħha.
Qal kif, “U għalhekk qabel l-logħba ta’ Floriana kontra Valletta nhar il-Ħadd li ħa tkun trażmessa fuq l-mezzi tax-xandir aħna ħa nkunu qed nagħmlu attività ‘ IT’S NOT OK’ b’dawk it- T-shirts fil-ground biex ukoll permezz tal-Futbol aħna wkoll ningħaqdu ma’ din l-inizjattiva ta’ Dr. Abela.”
Fi żjara lill-plejers nisa tat-tim nazzjonali fil-Ground Nazzjonali, Lydia Abela ferħitilhom tas-suċċess li qegħdin jiksbu u saħqet kif ir-rebħiet li kiseb it-tim, fosthom l-aħħar waħda kontra l-Iżrael jibagħtu messaġġ li n-nisa qed jirnexxu wkoll fl-isport.
Appellat biex in-nisa ma jibżgħux iwasslu l-vuċi tagħhom u jfittxu l-għajnuna fejn iħossuhom abbużati.
Spjegat li, “Kelli wkoll fil-preżenza tiegħi it-tim nazzjonali tal-futbol tan-nisa illi awgurajtilhom għar-riżultat sabiħ illi ġabu u wkoll irringrazzjajthom talli kienu hawnhekk miegħi preżenti llum, għaliex bil-prezenza tagħhom qegħdin inwasslu messaġġ qawwi lin-nisa illi għandhom iqumu fuq saqajhom, jersqu ‘l quddiem u jfittxu l-għajnuna”.
F’kumment ma’ din il-kamra tal-aħbarjiet, waħda mill-plejers tat-tim nazzjonali, Nicole Sciberras, wkoll saħqet fuq l-importanza ta’ dawn il-kampanji fejn tidħol l-ugwaljanza u l-vjolenza fil-konfront tan-nisa.
Qalet li, “Bħala plejer mara hija importanti ħafna li hawn din l-awareness kontra l-vjolenza domestika l-ewwel ħaġa għax mhijiex ħaġa li għandha tiġi aċċettata u li nersqu lejn l-ugwaljanza hija ħaġa importanti ħafna.”