Mark Piscopo, magħruf ma’ kulħadd bħala l-Lullu, ingħata l-aħħar tislima t-Tlieta filgħodu, fil-jum meta suppost iċċelebra għeluq sninu.
Kieku kien jagħlaq tlieta u ħamsin sena.
Mijiet i mlew il-Knisja Parrokkjali ta’ San Publiju fil-Furjana u t-toroq tal-madwar biex sellmu lil-Lullu għall-aħħar darba.
Mark Piscopo kien il-Kit Manager tat-Tim Nazzjonali tal-Futbol Malti u kienu bosta dawk li nħasdu bl-aħbar tal-mewt tiegħu l-ġimgħa li għaddiet.
Fil-knisja tal-Furjana ddominat il-preżenza ta’ plejers u eks plejers tat-Tim Nazzjonali Malti lebsin il-kit, kowċis u numru kbir ta’ amministraturi ta’ diversi klabbs u partitarji.
Kien hemm ukoll numru ta’ blalen iffirmati.
Il-Lullu kien maħbub minn bosta sportivi ewlenin fosthom dawk midħla tal-futbol lokali u dawk li jaħdmu mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.
Qabel il-quddiesa tal-funeral, dan l-istazzjon tkellem mal-Captain tat-Tim Nazzjonali Malti, Steve Borg.
Qal, “L-iktar ħaġa li se nibqgħu niftakru żġur hija li meta jkun hemm plejer ġdid mat-tim nazzjonali, għandna tradizzjoni li jrid ikanta u hu kien jipprova jagħmilha ta’ preżentatur qabel dik il-persuna tkanta.”
Tkellimna wkoll mal-fotografu ta’ esperjenza, Domenic Aquilina, li min jaf kemm il-ritratt ħa ta’ Mark waqt xi logħba futbol.
Qalilna li għandu ħafna ritratti tiegħu li għadhom qatt ma ħarġu fil-pubbliku.
Qal, “Pereżempju, niftakar wieħed ħadnih l-Ażerbajġan. Kien hemm market, niftakar, u kien ħa parrokka bjonda u kien ħa ritratt biha, libisha, u qisu qed jibboksja mal-Captain Steve Borg.”
Fl-omelija, l-Arċipriet tal-Parroċċa, il-Kanonku Charles Cini, qal li qed tingħata tislima xierqa lil ħajja li ħasdet lil kulħadd meta ntemmet.
Qal, “Min qatt minnkom li qegħdin hawnhekk kien jobsor xahrejn ilu li se jiġri dak li ġara? Ħadd.”
Huwa ddeskriva lil Mark bħala raġel tal-familja, li jħobb lill-Furjana u lil Malta, u fost dawk li qed jibku t-telfa tiegħu hemm martu Rita, ibnu Matteo, ommu, ħutu, u l-futbol Malti.
Qal, “Jien nixtieq naqsam magħkom li Mark qed nistħajlu jgħidilna kemm il-ħajja tispiċċa fix-xejn u malajr.”
It-tebut tal-Lullu nġarr minn dawk l-aktar qrib tiegħu fi sfond ta’ ċapċip kbir u emozzjonijiet li esprimew dawk li kienu parti minn ħajtu.
Il-funeral sar fil-knisja biswit il-klabb tal-futbol tal-Furjana.
Meta l-Furjana ħadu l-FA Trophy fil-ħmistax ta’ Mejju li għadda, il-Lullu kien diġà qiegħed l-isptar, u l-plejers ħadulu t-trofew li tant kien ilu jistenna li jinkiseb mill-klabb Furjaniż.
Il-membri tal-klabb tawh tislima mill-isbaħ f’ċerimonja qasira iżda speċjali ħafna li wriet kemm dan ir-raġel kien maħbub.
Wara l-funeral, il-plejers tat-Tim Nazzjonali Malti dawru lil-Lullu għall-aħħar darba mal-grawnd ta’ Ta’ Qali.
Il-plejers tat-Tim Nazzjonali Malti jdawru lil-Lullu għall-aħħar darba mal-grawnd ta’ Ta’ Qali