Il-plejers nisa tal-hockey ta’ fuq is-silġ, tal-Korea ta’ Fuq waslu fil-Korea t’Isfel biex jiffurmaw tim konġunt għall-Olimpjadi ta’ Pyeongchang.
It-12-il plejer qasmu l-fruntiera b’delegazzjoni uffiċjali u se jibdew it-taħriġ mat-tim min-Nofsinhar.
Fi ftehim li qatt ma sar bħalu, iż-żewġ pajjiżi l-ġimgħa li għaddiet qablu li jaħdmu bħala tim konġunt biex jikkompetu taħt bandiera waħda.
Dan jimmarka titjib fir-relazzjonijiet li bdew fis-sena l-ġdida, meta l-Korea ta’ Fuq qalet li riedet tattendi l-Logħob.
Il-ftehim intlaqa’ bi kritika fin-Nofsinhar, għax dan jista’ jfisser li se jkun hemm inqas ħin fuq is-silġ mill-plejers tan-Nofsinhar.
Nhar is-Sibt, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) qablu li t-12-il plejer jistgħu jiżdiedu mat-tim sħiħ ta’ 23 plejer tan-Nofsinhar.