Il-plejers tat-tim nazzjonali, Kyle Cesare u Emanuel Briffa li kienu mixlija li xxaħħmu qabel il-logħba ta’ Malta kontra l-Montenegro instabu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Wara ħames seduti, tul 13-il ġimgħa, fejn instemgħu mal-14-il xhud, il-Maġistrat Joe Mifsud stqarr li ż-żewġ żgħażagħ ta’ 20 u 22 sena rispettivament ma għaġixxewx b’ mod kriminali. Dan għaliex ma laħqux ftehmu dwar x’ kumpens se jieħdu u ma pparteċipawx fl-iskema u biegħu l-logħba.
Mill-provi ħareġ li x-xiri tal-partita Malta kontra Montenegro kienet abbandunata għax ma nstabux plejers biżżejjed biex jipparteċipaw u kif ukoll sfratta l-pjan għal-loħgba ta’ wara kontra r-Repubblika Ċeka għax laħaq kien arrestat Seyble Zammit, li allegatament tqabbad jipprova jxaħħam lill-plejers.
Mifsud irrimarka li Cesare, li jilgħab midfielder ma’ Pieta Hotspurs u d-difensur Furjaniż Briffa naqsu milli jirrappurtaw, kif mitlub mil-liġi fi żmien tlett xhur minn meta kienu avviċinati biex ibiegħu l-logħba, madanakollu kienu skużati għax tressqu l-qorti qabel ma skada dan il-perjodu.
Iżda l-Maġistrat saħaq li kien evidenti li l-immaturita tal-imputati kienet sfruttata u spiċċaw affettwati mill-peer pressure u għalhekk f’ dawn iċ-ċirkustanzi ma setgħux faċilment jirreżistu- sakem sabu l-għajnuna mill-ġenituri tagħhom li tawhom direzzjoni immedjata.
Il-Qorti f’ sentenza ta’ 37 paġna rreferiet għal diversi dikjarazzjonijiet ta’ Istituzzjonijiet Ewropej u l-Court of Arbitration for Sports dwar il-manipulazzjoni ta’ rizultati sportivi marbuta mal-imħatri, u għamlet numru ta’ kummenti dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-football. Fosthom li se jkun hemm tolleranza zero għal min qiegħed jikkontamina l-football b’ dan il-mod.
B’ rabta ma’ dan il-każ ta’ tixħim tressaq ukoll Ronnie MacKay ta’ 34 minn San Ġiljan mixli bl-istess akkużi. S’ issa fis-smiegħ tal-każ kontra MacKay intqal li l-akkużat għamel pressjoni kbira fuq Seybel Zammit biex dan ixaħħam xi plejers tant li qallu li jekk jonqos li jagħmel dan, kien ikollu jirrifondi l-flus lura biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li għamel Ċiniż li lagħab flus kbar fuq ir-riżultat mixtieq fil-logħob ta’ Malta.
Madanakollu l-każ tiegħu se jkompli jinstema fis-26 ta’ Settembru, wara li saret talba għaż-żmien bejnu u l-prosekuzzjoni biex jinstab qbil dwar il-piena fil-konfront tiegħu.