Ġżira żgħira fil-paċifiku, Midway Atoll, li tinsab ‘il bogħod minn artijiet oħra spiċċat dik li hija deskritta bħalha l-gżira tal-mewt, dan minħabba t-tunellati ta’ skart li nġabar fuq din l-art.
Fuq il-bajja wieħed jista’ jsib helmets, umbrellel, flip-flops fost numru sostanzjali ta’ skart ieħor, dan l-iskart ma tħalliex fuq din il-gżira minn nies li żaruha, ma ntefax hemm minn xi ajruplan jew dgħajsa – dan spiċċa hemm bil-mewġ tal-baħar.
Mewġ li ġej miċ-Ċina u l-Istati Uniti, eluf ta’ mili ‘l barra minn din il-gżira. Il-plastik sar materjal li nużaw ta’ kuljum u li jintrema wara li nużawh. Iżda dak li narmu qed jispiċċa f’postijiet oħra fosthom f’miżbli u fil-baħar.
M’għandniex ninsew li kull biċċa plastik li qatt ġiet ikkreata għadha teżisti sal-illum il-ġurnata. Il-fondazzjoni Ellen MacArthur qed tbassar li sal-2050 fl-ibħra tagħna se jkun hemm aktar plastik milli ħut.