Il-Partit Laburista se jkompli jiġġedded u jsaħħaħ l-istrutturi tiegħu propju f’sena tant importanti għalih.
Is-sena li fiha qed jiċċelebra l-100 sena mit-twaqqif tiegħu.
Il-Konferenza Ġenerali Straordinarja ta’ nhar il-Ħadd li ġej li se jtella’ l-Partit Laburista se tkun il-punt ta’ tluq għal diskussjoni fuq it-tiġdid u t-tisħiħ tal-istrutturi tal-partit.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef spjega li l-Partit Laburista qed iħares lejn dan l-mitt anniversarju bħala opportunità biex il-partit jibqa’ relevanti għaż-żminijiet. Huwa stqarr: “Normalment fil-politika naraw partii jgħaddu minn tiġdid meta jkunu fi kriżi jew diffikultà. Aħna ma rridux li dawn id-diskussjoijiet isiru f’dawk il-kuntesti biss. Qed nantiċipaw dan kollu, qed infasslu dawn id-diskussjonijiet biex inġeddu l-Partit Laburista propju biex nevitaw dawn l-eventwalitajiet u nieħdu din l-opportunità mhux biss biex inħarsu lejn il-passat imma wkoll biex infasslu l-futur ta’ dan il-Partit.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista ddeskriva lill-Partit Laburista bħala wieħed li qatt ma beża’ jbiddel.
Is-Sur De Battista sostna: “Ta ħafna drittijiet lill-familji Maltin u Għawdxin imma dan huwa l-partit fejn kulħadd għandu l-istess opportunità, hu min hu l-persuna u ġej minn fejn ġej. Dik xi ħaġa li baqgħet mal-Partit Laburista, mit-twaqqif tiegħu u anke fil-futur. Se jibqa’ jkun il-vuċi ta’ ħafna nies ġejjin minn fejn ġejjin.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Organizzattiv William Lewis ħabbar sensiela ta’ attivitajiet li tul din is-sena se jfakkru dan l-anniversarju, fosthom musical bl-isem Mija li se jgħidilna l-istorja ta’ familja li għexet kemm iż-żminijiet diffiċli, iżda li wkoll gawdiet mill-kisbiet li nkisbu bis-saħħa tal-Partit Laburista.
Dan apparti dokumentarju li se jixxandar fuq l-istazzjonijiet ONE dwar l-istorja tal-Partit Laburista, kif ukoll esibizzjoni storika li se tkun qed iddur il-lokalitajiet Maltin.
Is-Sur Lewis fisser: “Se norganizzaw seminar speċifiku fuq in-nisa fl-isport. Sfortunatament f’ċertu aspetti tal-isport hemm nuqqas ta’ nisa. Irridu nqajmu dan l-għarfien u jkun hemm diskussjoni li tiġi ppreżentata lill-Gvern u tiġi implimentata.”