Fil-ġimgħa li mmarkat ħames snin ta’ Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat fit-tmun ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista ndirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista tar-Rabat Għawdex.
Biex ħames snin minn meta l-poplu għażel li jaqleb il-folja, il-Prim Ministru tkellem fi gżira li kienet, għadha u se tibqa’ simbolu tal-għatx għall-bidliet li nfirxu ma’ kullimkien f’pajjiżna, u li wasslu għar-realtà li qed ngħixu llum. Il-Mexxej Laburista qal li dawn il-ħames snin għaddew bħal leħħa ta’ berqa, u matulhom twettqu bidliet li wasslu biex il-poplu reġà kkonferma l-fiduċja tiegħu fil-ħidma ta’ dan il-Gvern.
Il-Prim Ministru ta ħarsa lejn il-vjaġġ li fforma l-aħħar ħames snin, li wassal biex pajjiżna llum il-ġurnata huwa pajjiż fost l-aqwa fl-Ewropa u qed isir l-għira tad-dinja.
Tkellem dwar l-ambizzjoni tal-moviment immexxi minnu. Ambizzjoni li għalkemm kbira, realistika, għaliex il-poplu Malti u Għawdxi huwa kapaċi.
Joseph Muscat fakkar fl-erba’ prinċipji li fuqhom huwa msejjes Gvern Laburista: il-mobilità soċjali, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, u l-għaqda nazzjonali.