“Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jitwemmen meta jgħid li se jsolvi anomaliji li ħoloq hu stess billi meta kien fil-Gvern qasam il-pensjonanti bejn dawk li twieldu qabel u wara l-1962.”
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija hekk kif spjega li l-PN qed jipprova jagħmel tiegħu waħda mill-miżuri li hemm fil-Pjan Nazzjonali ta’ Malta għall-Pensjonijiet u li l-Gvern preżenti diġa’ ffinalizza.
Fl-istqarrija tiegħu l-Partit Laburista sostna li huwa fil-Gvern jibqa’ l-uniku forza politika fil-pajjiż li tiggarantixxi serħan il-moħħ u żidiet ekwi lill-pensjonanti kollha, twieldu meta twieldu.
Fil-fatt, tenna li b’hekk se jerġa’ jkun il-Partit Laburista fil-Gvern li jindirizza u jirranġa l-anomaliji li ħoloq il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern.
“Biex ngħidu kollox, tal-inqas il-PN fehem li l-problema tikkonċerna lil dawk li twieldu qabel l-1962, għax fil-programm elettorali mimli żbalji li tant iħobb jikkwota kien qal li jrid jgħin lil dawk li twieldu qabel l-1062,” temm jgħid il-PL.