It-track record tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern huwa li r-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna fi żmienu kienet ogħla sew minn dik fiż-Żona Ewro.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn intqal li taħt Gvern Laburista, ir-rata kienet taħt il-medja Ewropea.
Il-Partit Laburista qal kif Gvern Laburista aġixxa mal-ewwel biex inaqqsu l-piżijiet minn fuq in-nies, mentri Gvern Nazzjonalista kienu jgħollu l-kontijiet tal-fjuwil u l-elettriku bil-qalb.
Ġie spjegat li qabel il-ftehim Stabbiltà, l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel kienet ogħla mill-medja Ewropea.
Dan waqaf malli daħal dan il-ftehim fis-seħħ, tant li fl-aħħar pubblikazzjoni tal-Bank Ċentrali kien osservat li b’kollox il-prezzijiet tal-ikel naqsu b’madwar 2%.
Dan jindika li mhu veru xejn dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista li t-tnaqqis f’Malta kien inqas minn dak fl-Ewropa. Din ma hijiex sorpriża għaliex din hija tattika li l-Partit Nazzjonalista juża kull mument meta Gvern Laburista jagħżel li jnaqqas il-piżijiet minn fuq in-nies.
“L-istess għamel meta Partit Laburista fil-Gvern żied il-paga minima, meta raħħas il-kontijiet, meta ta sussidji fuq il-qamħ u ċ-ċereali u meta kompla jnaqqas it-taxxi, fost oħrajn. Lil hinn minn dawn l-attakki, minn min ma jistax jagħti lezzjonijiet fuq għajnuniet soċjali, Gvern Laburista se jkompli jara li jtaffi l-piż tal-għoli tal-ħajja, b’miżuri sostenibbli u konkreti, bil-għan li jkompli jtejjeb l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi”, temm jgħid il-Partit Laburista.