“Il-fatti juru li l-Partit Laburista għandu l-aqwa politika ekonomika għaż-żmien li ġej”.
Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista, indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri u d-Deputat Omar Farrugia.
Il-Ministru Silvio Schembri innota kif f’kull okkażjoni li jkollha, l-Oppożizzjoni tipprova titfa’ dell ikrah billi xxejjen l-analiżi pożittiva tal-aktar istituzzjonijiet u tipprova timmina s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna għal raġunijiet partiġjani.
Huwa rrimarka kif fost l-oħrajn, meta mqabbel mal-elfejn u tnax, it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna llum huwa ħamsa u sebgħin fil-mija aħjar, il-piż tad-dejn nazzjonali huwa kwart anqas, l-iżbilanċ fil-fond konsolidat huwa terz ta’ dak tal-elfejn u tnax, il-produttività hija ħamsin fil-mija aħjar, u l-investiment dirett barrani huwa d-doppju tal-elfejn u tnax.
Il-Ministru Schembri nnota kif l-istatistika li ppubblika l-Partit Nazzjonalista stess, tixhed li l-Partit Laburista għandu l-aqwa politika ekonomika għaż-żmien li ġej.
“Jekk kien hemm xi ħaġa li ħarġet żgur fiċ-ċar, mill-istess statistika li ppubblikaw huma stess, kienet li l-Partit Laburista ġab l-aqwa riżultati ekonomiċi, dak li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem, huwa l-akbar prova ta’ kemm il-pajjiż mexa ’l quddiem bit-tmexxija Laburista, u l-fatti juru kemm il-Partit Laburista għandu l-aqwa politika ekonomika għaż-żmien li ġej.”
Silvio Schembri – Ministru
Intqal li minkejja l-inċertezzi globali, l-aqwa istituzzjonijiet ekonomiċi fid-dinja taw ċertifikati pożittivi ferm għall-ekonomija f’pajjiżna.
Id-Deputat Omar Farrugia semma lill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Economist u d-DBRS Morningstar, li kollha qed ibassru kif pajjiżna se jkollu l-aqwa rata ta’ tkabbir fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, din is-sena u s-sena d-dieħla.
“Pajjiżna spiċċa ingħata ċertifikati pożittivi ħafna, minn tal-inqas 3 istituzzjonijiet importanti. L-ewwel, il-Fond Monetarju Internazzjonali, li minkejja l-inċertezza kollha globali, għażlu, li jirrevedu ‘l fuq it-tbassir ekonomiku tagħhom għal pajjiżna. Skont dawn l-esperti, pajjiżna se jkollu l-aqwa rata ta’ tkabbir fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, kemm għal din is-sena, kif ukoll, għas-sena li ġejja.”
Omar Farrugia – Deputat Laburista
Fl-istess ħin, issemma kif il-familji u n-negozji f’pajjiżna kienu protetti mix-xokk taż-żieda fenomenali fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil mindu bdiet il-gwerra fl-Ukrajna.
Dan wassal biex id-domanda domestika baqgħet qawwija filwaqt li l-esportaturi esperjenzaw titjib b’saħħtu fil-kompetittività.