“Quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja, il-Partit Laburista mill-Gvern joħroġ bis-soluzzjonijiet, filwaqt li l-Oppożizzjoni toħroġ b’dikjarazzjonijiet maħsuba biex joħolqu s-sensazzjonaliżmu.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista fi stqarrija hekk kif spjega li l-aħħar minn sensiela ta’ dikjarazzjoni ġiet minn Ivan Castillo hekk kif tenna li llum li l-għoli tal-ħajja iktar stressanti minn mewt ta’ membru tal-familja.
B’reazzjoni l-Partit Laburista sostna li dawn huma l-kelliema tal-Oppożizzjoni, li għax m’għandhomx idea ta’ soluzzjonijiet jinqdew bl-iktar ċirkostanzi sfortunati biex jipprovaw jirbħu punti politiċi.
Il-Partit Laburista sostna li huwa jibqa’ joffri politika bbażata fuq is-soluzzjonijiet u kien għalhekk li żamm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuel stabbli kuntrarju għall-parir tal-Oppożizzjoni. Iżda, ma waqafx hawn l-anqas u għal darb’oħra kontra l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni daħħal l-inizjattiva Stabbiltà li fissret roħs u stabbiltà fuq 450 prodott ta’ ikel.
“Minkejja dak li qalu Castillo u sħabu, li kull darba juru li l-anqas statistika sempliċi ma jafu jaqraw, il-fatti juru li din l-inizjattiva ħalliet effett.” tenna l-Partit Laburista.
Bħalma jħallu u ħallew effett pożittiv iż-żidiet fiċ-children’s allowance, iż-żidiet fil-pensjonijiet u l-in-work benefit, il-mekkaniżmu ġdid kontra l-għoli tal-ħajja u għadd kbir ta’ inizjattivi oħra maħsuba biex iwieżnu n-nies minn Gvern li jista’ jiftaħar li ma jżidx il-piżijiet iżda jżid l-għajnuniet.