“Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista juruk żewġt uċuħ – wieħed għal Malta u wieħed għal Brussell.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mid-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis, flimkien mal-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Daniel Attard.
Konferenza tal-aħbarijiet l-għada li ttieħed vot kontra pajjiżna fil-Parlament Ewropew, imnebbaħ minn riżoluzzjoni kontra pajjiżna li ġiet imbottata minn David Casa u Roberta Metsola tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt din ir-riżoluzzjoni kixfet l-attitudni li, għal snin twal, rat l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew ipoġġu lil Malta fiċ-ċentru tal-kritika Ewropea, iżda fl-istess ħin jipprovaw jgħattu n-nuqqasijiet ta’ pajjiżi oħrajn.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis, filwaqt li aċċenna għad-double standards tal-esponenti Nazzjonalisti u l-grupp tal-EPP li jagħmlu parti minnu, kif anke għamlu MEPs oħrajn bħal Sophie Int Veld mill-grupp Renew u Gwendoline Delbos Corfield mill-grupp tal-Ħodor, sostna kif ir-riformi kbar, li twettqu fl-aħħar snin mill-Partit Laburista fil-Gvern, jixhdu verament min għandu għal qalbu dan il-prinċipju.
Dan b’differenza għall-Partit Nazzjonalista li għalih irid saltna tad-dritt à la carte.
“Il-Partit Nazzjonalista mhux veru jrid is-saltna tad-dritt, il-Partit Nazzjonalista jrid rule of law, saltna tad-dritt, à la carte. Il-Partit Nazzjonalista jrid il-ġustizzja mhux li ssir u li timxi u li l-istituzzjonijiet jaħdmu però ġustizzja skont l-opinjoni tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista ma tgħallem xejn.”
Edward Zammit Lewis
Sadanittant, il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Daniel Attard irrimarka kif din mhux l-ewwel istanza li ġrat xi ħaġa ta’ dan it-tip. Fakkar kif David Casa, waqt li l-lenti dinjija kienet fuq pajjiżna, hekk kif ospita laqgħa importanti tal-MED 9, kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea biex jipperikola l-fondi Ewropej ta’ pajjiżna.
Tenna kif quddiem dan kollu, il-Gvern Malti se jibqa’ sod favur il-poplu.
“L-azzjonijiet ta’ David Casa u Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew jipperikolaw l-interessi mhux tal-Gvern Laburista, imma jipperikolaw l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u quddiem dan kollu mhux se jsibuna ġwejjef. Se jsibu Gvern sod u b’saħħtu, imnebbaħ mill-prinċipji soċjalisti li jiggwidawh.”
Daniel Attard