Dan il-Gvern wera li mhux biss joffri l-aqwa tmexxija ekonomika u soċjali, mhux biss huwa garanzija ta’ iktar drittijiet ċivili, imma huwa l-iktar forza politika kredibbli għal governanza tajba.
Fi stqarrija, l-għada li għaddew mill-Parlament sitt liġijiet li kellhom bżonn l-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Partit Laburista fakkar li dawn il-liġijiet tressqu wara li l-Kummissjoni Venezja laqgħet prattikament ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Gvern Malti fir-riformi fil-ġudikatura, tisħiħ fis-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
L-istqarrija qalet li kellu jkun Gvern Laburista li jagħmel din ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja, wara li dawn il-liġijiet kienu ilhom fuq l-ixkaffa diversi snin.
Huwa għalhekk li l-familji Maltin u Għawdxin jibqgħu jaraw fil-Partit Laburista l-aqwa għażla biex ikompli jmexxi lil dan il-pajjiż ’il quddiem, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.