Illum il-Partit Laburista kompla jiġġedded, komplejna niftħu l-bibien tagħna u hekk se nibqgħu nagħmlu, ninżlu fostkom biex nisimgħukom.
Dan kien il-messaġġ ewlieni fid-diskorsi li wasslu d-Deputati Mexxejja u l-President tal-Partit Laburista, li tkellmu qabel id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela, fi tmiem il-Konferenza Ġenerali Straordinarja, li saret il-Ħamis filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg tenna kif il-Partit Laburista fil-Gvern baqagħlu ħafna x’joffri, bil-ħemel ta’ miżuri li għad fadallu xi jwettaq favur il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
“Nistgħu nassiguraw lin-nies hemm barra li fadlilna l-enerġija, fadlilna l-enerġija sabiex inkomplu inmexxu lil dan il-pajjiż ‘l quddiem. It-tema tal-konferenza, ‘Il-Ġid għall-Maltin’ … jekk ħaddieħor jieħu pjaċir bid-deni, aħna fadlilna ħafna ġid x’nagħmlu għall-poplu Malti u Għawdxi u, Mexxej, se ssibna warajk, spalla miegħek, biex inkomplu naħdmu u niksbu riżultati għal Malta u Għawdex tagħna.”
IAN BORG – DEPUTAT PRIM MINISTRU
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej u Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba wassal il-messaġġ ta’ Partit fil-Gvern, li hu magħqud wara Mexxej wieħed, il-Prim Ministru Robert Abela.
“Għaddejna minn attività, waħda wara l-oħra, minn tkabbir ta’ miżura, waħda wara l-oħra, li komplew jagħtu identità lil dan il-Partit bħala dik il-forza, mhux biss progressiva, imma dik il-forza soċjali, b’saħħitha f’dan il-pajjiż. Jiena l-aktar ħaġa, li timmotivani biex inkompli naħdem u nibqa’ għaddej f’dan il-Partit, hi ħaġa waħda, meta nara l-enerġija enormi li għandu l-Prim Ministru tagħna, il-Mexxej tagħna, Robert Abela.”
ALEX AGIUS SALIBA – DEPUTAT MEXXEJ
Hu ħabbar ukoll kif, fl-1 ta’ Ġunju, il-Partit Laburista se jkun qed itella’ maratona ġbir ta’ fondi biex, mill-Gvern, ikun jista’ jkompli jissaħħaħ u jaħdem ħalli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
F’messaġġ dwar Partit, li kulħadd jaf fejn qiegħed miegħu, il-President Laburista, Alex Sciberras, tenna dwar is-sens ta’ bidla u tiġdid pożittiv li diġà qed jinħassu fost kulħadd.
“It-tiġdid, li wegħedna f’Settembru li għadda, ma kienx wieħed kosmetiku jew sempliċi tibdil ta’ uċuh. Imma kien ifisser tibdil tal-enerġija tal-impenn tagħna lejkom u lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Din l-enerġija u l-impenn tagħna diġà stajtu tarawhom fl-attiviżmu u l-komunikazzjoni tal-Partit, fl-attivitajiet kostanti u ppermettuli nirringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom u ħinhom biex din il-ħidma tkun ta’ suċċess.”
ALEX SCIBERRAS – PRESIDENT PL
Dr Sciberras innota wkoll kif il-Partit Laburista, f’ġimgħa biss, sab awdituri ġodda, bil-maqlub għall-Partit Nazzjonalista, li ilu ħames snin sħaħ ifittex awdituri biex japprovawlu l-kontijiet finanzjarji tiegħu.