Il-Partit Laburista se jimbotta għal leġiżlazzjoni dwar l-użu tal-kannabis, li tħares lil hinn minn sempliċi dikriminalizzazzjoni. Dan ħareġ minn kummenti li ta d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef lis-sit The Journal, fejn ta wkoll ir-reazzjoni tal-Partit għall-White Paper li nieda l-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika.
Id-Deputat Mexxej qal li l-pożizzjoni tal-Partit dwar is-suġġett ġiet ikkonfermata f’laqgħa tal-Eżekuttiv il-Ġimgħa li għadda wara konsultazzjoni mal-membri kollha. Il-Partit ibbaża dan fuq l-għarfien li min juża l-kannabis b’mod responsabbli mhuwiex kriminal, u m’għandux ikun trattat ta’ kriminal. Il-Partit Laburista qabel ukoll li l-konsum tas-sustanza jkun projbit f’postijiet pubbliċi, iżda sejjaħ għal żoni speċifiċi għal dan.
Dwar it-tneħħija ta’ rekords kriminali mill-kondotta tal-individwu l-Partit Laburista qal li dan għandu jiġi kkunsidrat għal reati minuri oħra mingħajr ma jippreġudika sentenzi tal-Qorti.
Il-White Paper li nieda l-Gvern għall-konsultazzjoni tipproponi d-dekriminalizzazzjoni tal-pussess sa seba’ grammi, u t-tkabbir ta’ massimu ta’ erba’ pjanti għal konsum personali. Il-Partit Laburista qed isejjaħ ukoll għal qafas legali apposta dwar ix-xiri taż-żerriegħa tal-kannabis minn sorsi liċenzjati, u li jista’ jkun sorveljat minn Awtorità apposta li tassigura l-kwalità tal-prodott.
Il-konsultazzjoni se tintemm nhar it-Tlieta, 11 ta’ Mejju. Int tista’ tibgħat suġġerimenti fuq: publicconsultation.mjeg@gov.mt.