L-Erbgħa waranofsinhar, Il-Partit Laburista nieda konsultazzjoni interna fuq il-konsultazzjoni pubblika li nieda l-Gvern dwar Impjiegi ta’ Kwalità Ogħla fl-Industrija tat-Turiżmu u l-Ospitalità.
L-istess konsultazzjoni ser twassal għall-introduzzjoni ta’ benchmark ġdid li jiffaċilità l-aċċess għall-impjegati bil-ħiliet meħtieġa fl-industrija kif ukoll taħriġ u assessjar obbligatorju.
Minn din il-konsultazzjoni interna l-Partit Laburista ser jippreżenta s-sottomissjonijiet tiegħu lill-Gvern biex ikunu parti mill-konsultazzjoni pubblika.
Il-Konsultazzjoni pubblika tal-Gvern dwar il-proċedura ġdida bl-isem “Impjiegi ta’ Kwalità Ogħla fl-Industrija tat-Turizmu u l-Ospitalità” tintroduċi taħriġ u assessjar li huma maqsuma f’żewġ fażijiet.
Fl-ewwel fażi l-applikant jeħtieġ, jagħmel korsijiet qosra u bażiċi fil-Customer Care, fil-Prodott Turistiku Malti u fl-Ingliż għall-Ospitalita’ u jikseb PASS fit-testijiet tagħhom. Irid jikseb ukoll PASS f’test ta’ profiċjenza tal-Ingliż kif ukoll jikseb PASS fit-test assoċjat mat-tip ta’ xogħol li jkun irid jaħdem fih f’pajjiżna. Wieħed jista’ jagħmel dan online u b’PASS ikun jista’ jgħaddi għat-tieni fażi.
Fit-tieni fażi l-applikant jeħtieġ joqgħod għal u jgħaddi minn intervista li ssir bl-Ingliż u minn test prattiku marbut max-xogħol u l-irwol li applika biex jaħdem fih f’pajjiżna. Dawn isiru f’Malta ġewwa l-faċilitajiet tal-ITS u jsiru direttament mal-applikant.