Il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, li saret is-Sibt tmienja ta’ Ġunju, b’maġġoranza assoluta tal-voti u b’distakk ta’ aktar minn għoxrin elf vot fuq il-Partit Nazzjonalista.
F’dawn l-elezzjonijiet mifruxin madwar il-pajjiż kollu, il-Partit Laburista kiseb aktar minn mija u erbgħa u tletin elf vot, jew tnejn u ħamsin punt wieħed fil-mija ta’ dawk li vvotaw. Il-Partit Nazzjonalista ġab aktar minn mija u erbatax-il elf vot, jew erbgħa u erbgħin punt tlieta fil-mija ta’ dawk li vvotaw. Kandidati oħrajn, fosthom dawk indipendenti, ġabu ftit aktar minn disat elef vot, ekwivalenti għal tlieta punt sitta fil-mija tal-voti.
Id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista hu ta’ għoxrin elf, mitejn u ħamsa u ħamsin vot, li f’termini ta’ persentaġġ ifisser distakk ta’ tmienja fil-mija.
Fl-elezzjoni f’sebgħa u sittin kunsill f’Malta u f’Għawdex, il-Partit Laburista kiseb aktar voti mill-Partit Nazzjonalista fi tnejn u erbgħin lokalità, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb aktar voti mill-Partit Laburista f’sebgħa u għoxrin lokalità.
L-Imdina kienet l-unika lokalità fejn ma kienx hemm bżonn elezzjoni wara li ħarġu bl-eżatt in-numru ta’ kandidati li jridu jpoġġu fil-Kunsill.
Fejn tidħol il-maġġoranza tas-siġġijiet, il-Partit Laburista kisibha f’disgħa u tletin lokalità. Il-Partit Nazzjonalista għandu l-maġġoranza tas-siġġijiet f’erbgħa u għoxrin lokalità.
F’ħames lokalitajiet oħra, l-ebda partit ma kiseb maġġoranza bis-siġġijiet u d-deċiżjoni dwar it-tmexxija tittieħed fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill.
Fil-Mellieħa u f’Birkirkara, kemm il-Partit Laburista u anki l-Partit Nazzjonalista kisbu sitt siġġijiet kull wieħed u siġġu ieħor inkiseb minn kandidat indipendenti.
Fil-Furjana, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista kisbu żewġ siġġijiet kull wieħed u siġġu ieħor inkiseb mill-Partit Floriana L-Ewwel.
F’Ħaż-Żebbuġ, il-Partit Laburista ġab erba’ siġġijiet, il-Partit Nazzjonalista kiseb tlieta u ġew eletti wkoll żewġ kandidati indipendenti.
Imbagħad fl-Għarb, Għawdex, il-Partit Laburista u l-Partit Għarb L-Ewwel ġabu żewġ siġġijiet, waqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb biss siġġu.
F’dawn l-elezzjonijiet, b’turnout ta’ ftit inqas minn 60%, għall-ewwel darba kien hemm lokalità fejn ġew eletti biss kandidati ta’ partit wieħed. Fil-fatt, f’Bormla, il-Partit Laburista eleġġa ħames kunsilliera minn ħames siġġijiet, u l-Partit Nazzjonalista tilef l-uniku siġġu li kellu.
F’dawn l-elezzjonijiet, il-Partit Laburista rebaħ għall-ewwel darba l-lokalità tal-Għasri.