Fi stqarrija, il-Partit Laburista sostna li l-politika tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-iskart baqgħet dejjem konsistenti: dik li jkabbar il-miżbliet bil-konsegwenzi negattivi kollha li dan iġib miegħu fuq l-ambjent, il-lokalitajiet tal-madwar u fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.
B’reazzjoni għal stqarrija mill-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista nnota li l-Partit f’Tal-Pietà għadu jħaddan l-istess politika li hi ffokata fuq żieda fil-produzzjoni tal-iskart, inqas separazzjoni tal-iskart u tittieħed iktar art biex issir miżbliet.
Dan filwaqt li l-Gvern se jibqa’ jinċentiva r-riċiklaġġ u jindirizza bi sħiħ żoni fejn hemm l-isfidi.
Lil hinn mir-retorika tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista appella wkoll lill-Gvern biex jibqa’ jimplimenta bidliet li jieħdu ħsieb il-ġenerazzjonijiet futuri, bħal dawk li għandhom jibdlu l-iskart f’riżorsa bħall-enerġija.
Intant, il-Partit Laburista radd ħajr lill-Għawdxin u lill-Maltin li fl-aħħar xhur żiedu l-ammont ta’ riċiklaġġ u appella biex ikomplu jiżdiedu l-isforzi li diġa’ għaddejin b’rabta mal-infurzar f’dan is-settur ukoll.