Il-manifest tal-Partit Nazzjonalista jagħtik l-impressjoni li ħa jagħti kollox lil kulħadd iżda mbagħad tinduna li l-biċċa l-kbira minnu huwa bit-terms & conditions.
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta waranofsinhar.
Fil-fatt intqal kif madwar waħda minn kull ħmistax il-proposta biex jitgawdew irid ikun hemm konformità ma’ kriterji ESG.
Hawn il-kandidata Laburista Rebecca Buttigieg tenniet li l-Partit Laburista huwa favur li n-negozji jersqu qrib kriterji ESG tant li diġà tnedew skemi favur dan fosthom energy audits lill-kumpaniji micro u żgħar.
Madankollu sostniet li hawn toħroġ id-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, hekk kif Gvern Laburista ġdid huwa Gvern tal-inċentiv u mhux tal-kastig.
“Aħna mhux il-Gvern tal-kastig imma aħna l-Gvern tal-inċentiv u qabel l-2013 konnha drajnihom l-iskemi tal-Gvern għan-negozji. Skemi li jidhru sbieħ ħafna fuq il-karta imma meta tidħol fihom tinduna li ma jaqbillekx tapplika għalihom għax tiġik iz-zalza ogħla mill-ħuta. Aħna ma rridux li nżidu l-ispiżi tan-negozji fi żmienijiet ta’ rkupru wara pandemija imma aħna rridu nerġgħu nġibuhom back to business.”
Il-kandidata Rebecca Buttigieg
Minn naħa tagħha l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli sostniet li l-qalba għan-negozji f’pajjiżna lejn il-kriterji ESG tkun waħda gradwali.
Dr Dalli tenniet ukoll li skont dak li qed jgħid l-Partit Nazzjonalista l-kumpaniji se jaffaċċjaw piżijiet finanzjarji kbar sabiex jilħqu dawn il-kriterji.
Dan filwaqt li jekk ma jaħdmux lejn ċertifikazzjoni ESG, il-kompetizzjoni tibbenefika mill-proposta tal-Partit Nazzjonalista.
Konxju għal dan l-iżball tiegħu, Dr Miriam Dalli rrimarkat ukoll kif Bernard Grech ħareġ b’gidba dwar il-Covid Wage Supplement.
Intant irrimarkat aktar ħidma tal-Partit Laburista lejn settur aktar sostenibbli fosthom f’dak li għandu x’jaqsam trasport.
“Mil-leġislatura li jmiss se nkunu qed indaħħlu pjanċi ġodda biex jintgħarfu vetturi elettriċi u se nintroduċu benefiċċji ġodda bħal aċċess għal ċertu żoni, parkeġġ riżervati u l-użu ta’ bus lanes għal dawn il-vetturi umbagħad għal kumpaniji privati li se jkunu qed jaqilbu l-flotta għal waħda elettrika se nkunu qed nagħtu inċentivi attraenti oħra. Fil-manifest fil-fatt qed nikkommettu li l-kumpaniji kollha li jagħmlu dan se jibbenefikaw minn tax credit li jlaħħaq 50% tal-ammont li jkunu nefqu sa massimu ta’ €50,000.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Intant fi stqarrija separata l-Partit Laburista temm jgħid li l-uniku ħaġa konsistenti fil-verżjonijiet differenti tal-manifest elettorali li ħareġ bihom il-Partit Nazzjonalista huma t-termini u l-kundizzjonijiet.