“Gvern Laburista għolla darbtejn il-paga minima f’pajjiżna minbarra l-COLA. Mhux biss għolliha, iżda qed jagħti l-akbar żieda fl-istorja.” Il-Partit Laburista qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa filgħodu, li ġiet indirizzata mill-Ministru Byron Camilleri u l-kandidata għall-Parlament Ewropew Marija Sara Vella Gafà.
Hawn ġie nnotat li, b’kuntrast, f’25 sena fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista qatt ma għolla l-paga minima, ħlief bl-aġġustament tal-għoli tal-ħajja, il-Cost Of Living Adjustment jew il-COLA fil-qasir.
Mhux talli hekk, talli Gvern Laburista neħħa t-taxxa fuq il-paga minima, hekk kif taħt il-Partit Nazzjonalista, kull min kien jaqla’ l-paga minima kien jiġi intaxxat.
Fil-fatt, b’rabta ma’ dan, il-kelliema li indirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet saħqu li l-poplu jaf li akbar ma tkun l-isfida, akbar se jkun l-appoġġ li jagħtihom il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Ministru Camilleri sostna kif il-Partit Laburista verament iħaddan il-politika tal-investiment kontra l-politika tal-awsterità u l-politika tal-inċentiv kontra l-politika li tkisser l-aspirazzjonijiet tan-nies. Dan anke b’referenza għall-iffirmar ta’ diversi ftehimiet kollettivi li jikkonċernaw lill-korpi dixxiplinati fl-aħħar snin, bl-aħħar wieħed li ġie ffirmat fl-aħħar jiem u li minnu se jibbenefikaw madwar 2,000 uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija.
Qal, “Għandek Gvern jaħdem u jinvesti fil-ħaddiem, itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiem, jgħolli l-minimum wage kif rajna matul din il-ġimgħa b’miżuri diretti biex jeleva u biex jgħin lill-ħaddiem. Iżda bl-istess mod jinvesti fl-ekonomija u jinvesti fl-industrija ħalli joħloq klima li jista’ anke jaġixxi u kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.”
Il-kandidata Vella Gafà rrimarkat ukoll l-importanza tal-investiment fil-ħaddiema, fin-negozji, fil-pensjonanti u fil-familji. Dan, fost oħrajn, bis-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija li jagħmel lill-poplu Malti l-uniku fl-Ewropa li mhux qed iħallas imqar ċenteżmu aktar f’kontijiet tal-enerġija.
Qalet, “Kieku ma tajniex stabbiltà, kieku l-familji jistgħu jippjanaw inqas jew iktar il-futur tagħhom? U għax ir-risposta nafuha, għalhekk il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se nerġgħu ninvestu l-mijiet tal-miljun tal-ewro biex din il-miżura nkomplu nsaħħuha. Għax nafu li hi l-akbar waħda li biha nistgħu ngħinu lil min hu l-inqas fis-soċjetà.”