Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-manuvri kontra Malta mill-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista u l-eks Kap tal-istess Partit, Simon Busuttil, huma prova oħra li fil-Partit Nazzjonalista baqa’ ma nbidel xejn.
Il-Partit Laburista sostna li meta ħadmu biex tinħoloq riżoluzzjoni kontra Malta, il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista injoraw għalkollox l-iżviluppi li seħħew f’pajjiżna favur il-ġustizzja, kif ukoll ir-riformi kbar favur is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
“Huwa ironiku kif riformi li għandhom iċ-ċertifikat ta’ istituzzjonijiet bħal Kummissjoni Ewropea, il-Kummissjoni Venezja u anke l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġew injorati għal skop partiġjan”, tenna l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista sostna li l-Maltin drawh sew il-logħob tal-Partit Nazzjonalista li jiftiehem ma’ ħaddieħor biex jidher fuq quddiem minflokhom imbagħad jappoġjawh lura.
Il-Partit Laburista saħaq li l-ironija hi li mbagħad il-Partit Nazzjonalista iħallas lura billi jaqbeż għal pajjiżi oħra filwaqt li jkasbar lil Malta.
“Il-Maltin jafu li reġgħu kienu l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista li ddefendew l-interessi tagħhom. Il-Maltin jafu wkoll li din hi prova oħra li fil-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ma nbidel xejn. Dan għax it-tmexxija għadha maħkuma mill-istess ponn ta’ nies li trid tkisser lill-pajjiżna għall-gwadann politiku partiġjan”, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/29/meps-jirrimarkaw-id-decizjonijiet-li-ha-l-pm-malti-favur-it-tishih-tas-saltna-tad-dritt/